Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Il-Brażil frustrata mill-Iżvizzera

Steven Zuber jiskorja b'daqqa ta' ras (Ritratt: EPA)

Il-Brażil spiċċat frustrata fi draw ta’ 1-1 kontra l-Iżvizzera fl-ewwel logħba minn Grupp E. It-tim ta’ Tite kellu diversi okkażjonijiet ta’ skor speċjalment fit-tieni taqsima, iżda naqsu li jiskorjaw il-gowl tar-rebħa.

Philippe Coutinho kien poġġa lil Brażil minn fuq fl-20 minuta b’xutt mill-isbaħ li ma ta l-ebda ċans lil Yann Sommer isalva. L-Iżvizzera ġabet id-draw fil-50 minuta meta minn korner mil-lemin, Steven Zuber żmarka ruħu u b’daqqa ta’ ras mill-viċin għeleb lil Alisson.

Il-Brażiljani żiedu l-pressjoni fl-aħħar 20 minuta. L-ewwel kien Coutinho li kkontrolla l-ballun u prova b’xutt djagonali li għadda ftit barra, u fit-82 minuta, is-sostitut Roberto Firmino prova b’xutt mil-lemin li għadda barra.

Sommer kien providenzjali fid-90 minuta biex salva tajjeb daqqa ta’ ras ta’ Roberto Firmino, u minuta wara, xutt fil-baxx ta’ Miranda għadda ċentimetri barra.