Pjanijiet ippreżentati fil-jiem li għaddew urew l-intenzjoni tal-Gvern li jeqred madwar 200 siġra li s’issa qed idawwru t-Triq ewlenija tar-Rabat biex ikun jista’ jiżviluppa l-proġett li se jwassal sal-Imrieħel.
It-tneħħija ta’ daqstant siġar wassal għal protesti kbar, kif ukoll petizzjoni online iffirmata minn aktar minn 1,000 persuna fi ftit sigħat biss.
Ma’ The Times of Malta, Catherine Mercieca, li bdiet il-petizzjoni, qalet li qed tinnota kif kollox qed imur fid-direzzjoni l-ħażina. Spjegat kif kulmin iffirma l-petizzjoni, qed joġġezzjona għall-mod diżgustanti kif il-bini u t-toroq ġodda qed jieħdu post l-ambjent ta’ pajjiżna.
Kummenti oħra waslu mill-għaqda ambjentali Friends of the Earth Malta, li nnotat kif fid-deċiżjonijiet qed inħarsu biss fil-qosor. Min-naħa l-oħra, fit-tul din se tispiċċa bħal fil-każ tal-immaniġġjar tal-iskart – deċiżjonijiet ta’ malajr biex insolvu xi ħaġa li tkun ħarbitilna minn idejna.
Anke Din l-Art Ħelwa qed tinsisti biex dawn is-siġar, li sejħtilhom “monumentali”, ikunu ppreżervati. Qalet li dawn huma parti mill-wirt ta’ pajjiżna u għalhekk, għandhom ikunu protetti akkost ta’ kollox.
Il-kritika fuq il-mezzi soċjali u bil-petizzjoni online wasslet għar-reazzjoni tal-Gvern, li wara l-pubblikazzjoni tal-proġett, il-Ministeru tat-Trasport stess qed jgħid li s-siġar li se jinqalgħu se jinżammu protetti tant li se jinżergħu fis-‘central strip’.
Filwaqt li qalet li se jinżergħu numru ta’ siġar oħra, Kelliema għall-Ministeru kompliet li l-proġett għadda mill-proċessi regolari kollha tal-applikazzjoni.
//= $special ?>