Lokali

Xhieda ċara tal-faqar – ilu sena jgħix f’karozza

Raġel li minkejja li jaħdem, ma jistax ilaħħaq mal-ħajja, u ilu sena jgħix barra.

Din hija r-realtà ta’ diversi nies f’Malta, li sforz l-isfidi fil-ħajja qiegħdin jaqdfu weħidhom. Charles Gauci huwa wieħed minn dawn, joqgħod f’parkeġġ fix-Xemxija fejn “fix-xitwa jorqod fid-dgħajsa filwaqt li fis-sajf fil-karozza tiegħu.”

Hu kien jgħix mat-tfajla tiegħu iżda meta ma baqgħux flimkien, spiċċa barra fit-triq mingħajr saqaf fuq rasu. Minn din ir-relazzjoni, huma kellhom żewġt itfal.

Minn paga ta’ madwar €800, hu jkollu “jgħati kważi €500 f’manteniment u jibqali madwar €300 f’idi. Ngħaddi kważi mkaxkar.”

Għal bżonnijiet bażiċi, Charles jispiċċa jmur bil-moħbi f’lukandi biex ikun jista’ jinħasel. L-affarijiet personali li għandu, jinsabu kollha fil-karozza u d-dgħajsa.

Hu qal ma’ Net News li ġieli rritorna lura fil-post tas-soltu u sab li jkun hemm min jiftaħlu d-dgħajsa u jisraqlu l-ftit ħwejjeġ li għandu.

Din il-ħajja hi waħda diffiċli hekk kif minbarra n-nuqqas ta’ flus hu jkollu jgħix barra sew jekk is-sħana, xita, jew riħ.

F’din is-sitwazzjoni, wliedu kontinwament isaqsuh meta se jarawh. Minħabba li għadhom żgħar, huma ma jifhmux is-sitwazzjoni li jinsab fiha. Huma “stess jghiduli “meta se jkollok il-post tiegħek biex niġu?” Ngħidilha, binti iebsa biex tikri,imma hi tibqa’ tgħidlek, ‘da’ meta ħa niġu naghmlu weekend mieghek?”

Charles talab l-għajnuna tal-Gvern iżda jghidilna li ħadd ma ta kasu. B’karba waħda, jisfida lil Prim Ministru Joseph Muscat biex imur u jara l-istat ta’ għixien tiegħu biex jifhem x’jiġifieri tkun batut. Jgħid li dan hu Gvern tas-sinjur u mhux tal-ħaddiem. Jgħid li “jixtieq lil Prim Ministru, jekk vera għandu l-kuxjenza tal-ħaddiem, jiġi u jara b’għajnejh. M’għandix il-faħam miblul; għalhekk qed nagħmel kollox fil-beraħ jiena.”

Is-sitwazzjoni ta’ għixien tiegħu sejra għall-agħar hekk kif anke l-liċenzja tal-karozza waslet biex tiskadi u m’għandux flus biex iħallasha.

Jekk dan iseħħ, anke din ikollu jitlef, fi sfida oħra fejn jissielet biex jgħix.

Ritratti: Matthew Tabone
Filmat: Steve Psaila