Lokali

FILMAT: Allegazzjonijiet serji ta’ frodi minn Kastilja fil-ħruġ tal-Visas

Video li juri xiehda li inġabret u li ġiet ippublikata fuq YouTube

Ħames Libjani lesti li jixhdu u jagħtu t-testimonjanza tagħhom dwar flejjes illi ntalbu minn uffiċjal f’Kastilja sabiex tinħarġilhom il-visa. Hekk intqal dalgħodu fil-Qorti, fejn ġie preżentat Dossier minn Ivan Grech Mintoff illi jikxef ir-racket li kienet għaddejja f’Kastilja.

Il-każ hu dwar allegazzjonijiet serji ta’ frodi minn Kastilja sabiex jinħarġu visas lil persuni Libjani, bid-dokument preżentat jallega li sar bejgħ illegali ta’ numru lbir ta’ visas mill-Konsolat Malti fi Tripoli u li nħarġu mill-uffiċjal tal-Uffiċju tal-Prim Ministru Neville Gafa li hu nkarigat fil-ħruġ ta’ visas mediċi umanitarji.

Skont dak li ġie preżentat illum fil-Qorti, hemm allegat li dan il-każ ta’ frodi jinvolvi sa 88,000 visa – skema li tfisser dħul ta’ miljuni ta’ ewro fi frodi, u permess biex persuna tmur minn pajjiż għall-ieħor fl-Unjoni Ewropea minn Malta.

Id-Dossier jindika li inħarġu ukoll Visas Mediċi bi ħlas, meta dawn sippost ikunu b’xejn għal skopijiet umanitarji.

Issa, hem ħames Libjani li lesti jagħtu x-xhieda tagħhom quddiem il-Qorti, minkejja li s’issa għadu ma sar l-ebda kuntatt magħhom minn naħa tal-Pulizija minkejja li diġa’ saru talbiet. Il-ħames Libjani huma Serraj Essa, Ali Gamati, Ayman Alzintani, Osama Mohamed Zaidi u Ali Algool.

F’konversazzjoni minnhom li t-transkrizzjoni tagħha tressqet bħala evidenza, wieħed mix-xhieda qal li Neville Gafa talab u ħa €1,500,000 talli ħareġ 22 visa. Dan filwaqt li xhud ieħor allega li Neville Gafa rċieva €3,000,000 fil-kont bankarju tiegħu, fejn talab għal €3,500 għal kull visa. Aktar tard Gafa raħħas il-prezz ta’ dawn tal-aħħar għal €3,000.