Gowl ta’ Harry Kane fil-91 minuta salva lit-tim nazzjonali Ingliż, hekk kif l-Ingilterra għelbet lit-Tuneżija 2-1. Partita li fiha l-Ingilterra ddominaw għal ħinijiet twal iżda speċjalment fit-tieni taqsima, ftit ħolqu periklu serju għall-gowlkiper Tuneżin.
It-tim ta’ Gareth Southgate fetaħ l-iskor fil-11-il minuta meta Mouez Hassen salva parzjalment daqqa ta’ ras ta’ John Stones, biex mir-rebound kien Harry Kane li skorja mill-qrib. It-Tuneżija ġabet id-draw fil-35 minuta meta r-referee Kolombjan ordna penalty għal fawl ta’ Kyle Walker fuq Ben Youssef. Mill-11-il metru Ferjani Sassi għeleb lil Jordan Pickford.
Qabel tmiem l-ewwel taqsima, l-Ingilterra laqtet il-lasta, b’Jesse Lingard jantiċipa l-gowlkiper sostitut Ben Mustapha iżda l-ballun ħabat mal-wieqfa. Fit-tieni taqsima, l-Ingilterra attakkaw prattikament il-ħin kollu.
Huma kienu premjati għall-isforzi tagħhom fil-91 minuta meta minn korner mil-lemin, Harry Maguire bir-ras kompla lejn Harry Kane li b’daqqa ta’ ras oħra mill-viċin skorja l-gowl tar-rebħa.
//= $special ?>