Lokali

Ikompli d-dewmien fit-titjiriet tal-Air Malta

Passiġġieri tal-Air Malta li kienu ġejjin lejn pajjiżna minn Paiġi, il-Ħadd filgħaxija raw it-titjira tagħha tittardja għal iktar minn darba.

Dawk li tkellmu magħna spjegawlna kif kienu diġa’ qed jistennew biex jgħaddu mill-gate tagħhom meta raw l-avviż li t-titjira kienet se tittardja b’nofs siegħa.

Ftit tal-ħin wara l-istess passiġġieri tat-titjira KM 467 kienu nfurmati li t-titjira tagħhom kienet se tittardja b’nofs siegħa oħra, jiġifieri kienet se titlaq lejn Malta għal total ta’ siegħa iktar tard mill-ħin skedat oriġinarjament.

Id-dewmien ta’ din it-titjira seħħ ftit sigħat biss wara li l-Air Malta rċeviet l-ajruplan żejjed li fi kliem il-Ministru Konrad Mizzi kellu jsolvi l-problemi li ilha taffaċċja l-linja nazzjonali tal-ajru għall-aħħar ġimgħat.

Il-Ħadd ukoll, The Sunday Times of Malta rrappurtat kif, waqt li l-klijenti tal-Air Malta kienu qed jitilfu x-xogħol u jħallsu spejjeż żejda biex isibu għażliet oħra ta’ titjiriet flok dawk li tħassru, l-ogħla uffiċjali qed jaqilgħu pagi kbar.

Fost dawn l-eks membru parlamentari Laburista Charles Mangion, ftit wara l-elezzjoni ġenerali li għaddiet gawda minn direct order ta’ €30,000 għal servizzi legali u ta’ appoġġ lil-linja nazzjonali.

Minkejja dan m’hemm l-ebda informazzjoni dwar x’tip ta’ appoġġ Mangion, li hu nutar, ta lill-Air Malta. Lanqas hu magħruf kemm jaqla’ f’paga bħala Chairman tal-linja nazzjonali.