Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qed jaħdem biex f’isem il-Partit Popolari Ewropew jagħti d-dinjità tax-xogħol lil kull ħaddiem Malti.
Dan qalu fl-laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ min hu nvolut direttament fid-dinja tax-xogħol.
Bħala rapporteur, Zammit Dimech qed jaħdem fuq proposti u rakkomandazzjonijiet dwar numru ta’ suġġetti li jolqtu d-dinja tax-xogħol – fosthom il-perjodu ta’ probation, il-possibilta’ li wieħed ikun jista jagħmel aktar minn xogħol wieħed fl-istess waqt, u kwistjonijiet marbuta mal-ħinijiet tax-xogħol u t-taħriġ.
It-Tnejn, hu organizza laqgħa mal-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u min iħaddem biex eventwalment jkun jista’ jressaq l-emendi meħtieġa għad-direttiva fuq livell Ewropew.
L-Ewroparlamentari Francis Zammit Dimech spjega li din id-direttiva tisħaq fuq l-importanza li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Ewropej. Qal li l-ħaddiema għandhom ikollhom aktar trasparenza u informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tagħhom.
Fost ir-regoli li għandhom ikunu iktar ċari huma għal min jaħdem fuq bażi part-time, il-kwistjoni ta’ min għandu jħallas għal taħriġ li jingħata fuq il-post tax-xogħol, il-ħtieġa li dejjem isiru kuntratti tax-xogħol, u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi tal-ħaddiema speċjalment dawk li jagħmlu l-istess xogħol.
Zammit Dimech issa ħa jkun qed jippreżenta dawn il-proposti din il-ġimgħa stess fil-Parlament Ewropew.








