Lokali Saħħa

Il-manuvri tal-Gvern “ikkompromettew” il-protezzjoni tal-embrijuni

Għada l-vot fil-Parlament

Il-proċess ta’ konsultazzjoni li l-Gvern għamel dwar il-bidliet għall-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijuni, mhux talli ma pproteġiex il-ħajja anzi kompla kkomprometta l-protezzjoni tal-embrijuni.

Din id-dikjarazzjoni saret minn Doctors for Life, grupp li fost oħrajn jinkludi wkoll lill-524 tabib li iktar kmieni dan ix-xahar iffirmaw dikjarazzjoni fejn jiddikjaraw li huma kontra l-pjan tal-Gvern li jintroduċi l-iffriżar tal-embrijuni.

Dikjarazzjoni li saret hekk kif dawn it-tobba nnutaw li l-bidliet se jwasslu biex ikun hemm numru ikbar ta’ embrijuni li jiġu ffriżati, meta mqabbel mal-proposti oriġinali. Saħansitra se jkun hemm ukoll numru ikbar ta’ embrijuni li jiġu ffriżati għal perjodu indefinittiv.

L-emendi mistennija jiġu approvati meta għada jitressqu quddiem il-Parlament minkejja l-kritika għall-emendi proposti, u l-proċess kif dawn għaddew quddiem il-Parlament, saħansitra mingħajr konsultazzjoni interna fi ħdan il-grupp Parlamentari Laburista li l-membri tiegħu ma ngħatawx l-għażla li jivvutaw skont il-kuxjenza.