Kien is-sewqan irresponsabbli ta’ xufier li qasam il-karreġġjata tiegħu biex jaqbeż vettura oħra li wassal biex vettura l-Ħadd waranofsinhar tinqaleb f’Burmarrad.
Fl-inċident, ħames persuni tal-istess familja weġġgħu, tnejn minnhom b’mod gravi, meta l-vettura tat-tip Nissan Juke li kienu fiha nqalbet wara li qabdet ċint mal-ġenb tat-triq.
Fuq il-midja soċjali, intqal kif ix-xufier innota li min-naħa l-oħra tat-triq kienet ġejja vettura bis-sewwieq tagħha b’mod irresponsabbli qasam il-karreġġjata biex jaqbeż vettura oħra qrib ir-roundabout magħrufa bħala tal-Erba’ Mwieżeb.
Kien hawn li x-xufier tan-Nissan dawwar lejn il-ġenb biex jevita l-impatt head on, iżda laqat ħajt tas-sejjieħ fil-ġenb tat-triq u nqaleb, filwaqt li x-xufier l-ieħor baqa’ sejjer qisu ma ġara xejn.
Flimkien max-xufier, raġel ta’ 52 sena, fil-karozza kien hemm ukoll anzjan ta’ 70 sena, kif ukoll mara ta’ 48 residenti Santa Luċija, mara ta’ 59 sena residenti l-Marsa, u tfajla ta’ 19-il sena residenti Santa Luċija.
Minbarra l-Pulizija u tim mediku b’Ambulanza, fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li għenu biex xi wħud mill-feruti setgħu jinħarġu mill-karozza.
Il-feruti ttieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, bl-anzjan u l-mara ta’ 59 sena kienu ċċertifikati li qed isofru minn feriti gravi.
Aktar investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>
