Fl-aħħar snin, il-popolazzjoni ta’ San Pawl il-Baħar kibret b’mod konsiderevoli bil-konsegwenza li ħolqot sfidi kbar għal kunsill lokali li jrid ilaħħaq ma’ numru ta’ żoni.
Fost dawn problema dejjem ikbar ta’ skart, kriminalità, toroq fi stat diżastruż, u lista twila ta’ xogħol li jrid isir b’numru limitat ħafna ta’ ħaddiema.
Dawn l-isfidi joħorġu biċ-ċar minn kumment li tat lil dan l-istazzjoni s-sindku Anne Fenech.
Biex jittaffew uħud minn dawn il-problemi, ħidma tal-kunsill lokali waslet biex intlaħaq ftehim li permezz tiegħu se jwassal għal blitz ta’ tindif f’San Pawl il-Baħar, fil-Qawra, f’Buġibba, u fix-Xemxija u żoni oħrajn li jiffurmaw parti minn din il-lokalità.
Permezz tal-ftehim, f’dawn il-lokalitajiet se jkun hemm servizz addizzjonali ta’ ġbir ta’ skart fil-ħamsa ta’ waranofsinhar mit-Tnejn sal-Ħadd, knis fit-toroq skont skeda stipulata matul il-ġimgħa kollha u ħasil ta’ toroq, pjazez, u vendi kull lejl.
Dan minbarra ħasil ta’ kontenituri tal-iskart u għamara tat-triq, tneħħija ta’ ħaxix ħażin minn żoni residenzjali, tneħħija ta’ skart illegali fl-istess żoni, tindif ta’ latrini pubbliċi darba fil-ġimgħa b’power wash u servizz addizzjonali ta’ mobile cleaning darbtejn kuljum.
Dan kollu se jsir b’investiment tal-Kunsilli Lokali ta’ €150,000 fix-xahar.












