Minkejja l-appelli ripetuti minn diversi bnadi tas-soċjetà, issa hu uffiċjali li l-Gvern se jkompli jinjora kollox u jimxi għall-vot dwar l-emendi għall-Att dwar il-protezzjoni tal-Embrijuni.
Dan hekk kif fi stqarrija, il-Gvern iddikjara li “b’konvinzjoni se jimxi għal vot kif miftiehem biex tidħol fis-seħħ din il-liġi.”
Iktar kmieni ħarġet ukoll dikjarazzjoni minn Doctors for Life, grupp li fost oħrajn jinkludi wkoll lill-524 tabib li iktar kmieni dan ix-xahar iffirmaw dikjarazzjoni fejn jiddikjaraw li huma kontra l-pjan tal-Gvern li jintroduċi l-iffriżar tal-embrijuni.
“Il-proċess ta’ konsultazzjoni li l-Gvern għamel dwar il-bidliet għall-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijuni, mhux talli ma pproteġiex il-ħajja anzi kompla kkomprometta l-protezzjoni tal-embrijuni,” tgħid id-dikjarazzjoni.
Dikjarazzjoni li saret hekk kif dawn it-tobba nnutaw li l-bidliet se jwasslu biex ikun hemm numru ikbar ta’ embrijuni li jiġu ffriżati, meta mqabbel mal-proposti oriġinali. Saħansitra se jkun hemm ukoll numru ikbar ta’ embrijuni li jiġu ffriżati għal perjodu indefinittiv.
L-emendi mistennija jiġu approvati meta għada jitressqu quddiem il-Parlament minkejja l-kritika għall-emendi proposti, u l-proċess kif dawn għaddew quddiem il-Parlament, saħansitra mingħajr konsultazzjoni interna fi ħdan il-grupp Parlamentari Laburista li l-membri tiegħu ma ngħatawx l-għażla li jivvutaw skont il-kuxjenza.
Jekk kif mistenni l-emendi jiġu approvati, dan ikun ifisser li jgħaddu għat-tielet qari fil-Parlament, jiġifieri l-aħħar pass qabel jgħaddu għandu il-President ta’ Malta.
Il-President Marie Louise Coleiro Preca fl-aħħar sigħat laqgħet għandha membri minn koalizzjoni ta’ għaqdiet favur il-ħajja preżentawlha seba’ proposti f’forma ta’ mistoqsijiet.
Il-President wegħdet li l-punti mressqin minnhom lid-Deputat Prim Ministru peress li qed jixpruna d-diskussjoni dwar l-iffriżar tal-embrijuni fil-Parlament u titlob lill-Gvern biex jieħu parir mill-Avukat Ġenerali peress li l-għaqdiet favur il-ħajja qajmu punti dwar il-kostituzzjonalità tal-emendi li qed iressaq l-istess Gvern.
Finalment, wara l-approvazzjoni tal-Parlament, hu sta għall-President ta’ Malta li tagħżel jekk tiffirmax jew le l-abbozz ta’ liġi kif emendat … l-unika poter kostituzzjonali li għandha l-President ta’ Malta.
//= $special ?>