Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

L-Iżvezja tirbaħ b’penalty ta’ Andreas Granqvist

Andreas Granqvist jiskorja l-gowl deċiżiv (Ritratt: EPA)

L-Iżvezja fetħet l-impenji tagħha fi Grupp F b’rebħa ta’ 1-0 fuq il-Korea ta’ Isfel. Din ir-rebħa tpoġġi lill-Iżvediżi bi tliet punti daqs il-Messiku u b’vantaġġ ta’ tliet punti fuq il-Ġermanja qabel il-konfront ta’ bejniethom li jintlagħab fit-23 ta’ Ġunju.

Il-Korea ta’ Isfel offrew sfida denja u għalkemm sofrew il-pressjoni tal-avversarji għal ħafna ħin, spiċċaw biex ħarġu fuq in-naħa telliefa. Fost il-plejers Koreani, spikka l-gowlkiper Hyun-Woo Cho fejn salva t-tim diversi drabi.

Hu spikka fis-57 minuta meta salva tajjeb daqqa ta’ ras ta’ Ola Toivonen minn free-kick, iżda ma seta’ jagħmel xejn fil-65 minuta. Ir-referee Joel Aguilar ordna penalty wara konsultazzjoni mal-VAR għal fawl ta’ Min-Woo Kim fuq Viktor Claesson. Mill-11-il metru l-captain Andreas Granqvist għeleb lill-gowlkiper avversarju.

Il-Koreani kellhom ċans tad-deheb li jsalvaw il-logħba fil-91 minuta meta Hee-Chan Hwang falla bi ftit il-mira b’daqqa ta’ ras.