Dak li żvela l-ġurnal In-Nazzjon ġimgħat ilu u li kien miċħud mill-Ministru Ian Borg issa tħabbar uffiċjalment mill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali meta stqarr li James Piscopo se jitneħħa minn Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta biex iservi bħala l-Kap Eżekuttiv fl-Awtorità tal-Artijiet mill-1 ta’ Lulju 2018.
L-istqarrija tal-Gvern qalet li dan hu riżultat tal-proċess tas-sejħa pubblika li ħarġet fl-1 ta’ Ġunju 2018, iżda kif kien żvela In-Nazzjon jidher li l-vera raġuni hu l-inkwiet li jeżisti bejn Piscopo u Ian Borg.
Fl-istess waqt, id-Deputat Chairman ta’ Transport Malta, Kevin Farrugia, se jkun qed jassumi din il-pożizzjoni sakemm, skont il-liġi tal-istess Awtorità għat-Trasport, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali jkun qiegħed jaħtar iċ-Chairman għall-istess Awtorità, liema ħatra trid tgħaddi mill-proċess parlamentari. In-Nazzjon diġà żvela li se jkun Joe Sammut, persuna li bbenefikat minn eluf ta’ ewro f’sensiela ta’ direct orders maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa kemm ilu l-Partit Laburista fil-gvern.
Ta’ min ifakkar li ftit ġimgħat ilu l-ġurnal In-Nazzjon, kien ħabbar din il-ħatra, fost karigi oħrajn li mistennija jingħataw mill-Gvern fil-jiem jew ġimgħat li ġejjin.
Dwar din il-ħatra kienet tkellmet ukoll fil-Parlament il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Marthese Portelli.
Il-Ministru Ian Borg, f’kummenti li ta lil The Times fil-31 ta’ Mejju li għadda, kien ċaħad li James Piscopo ntgħażel mill-Gvern għal din il-kariga.
Kollox jidher li jorbot mat-tiġrija għal min se jieħu post Joseph Muscat malli jitlaq is-sena d-dieħla, kif wiegħed li se jagħmel kemm-il darba.
Il-Ministru Ian Borg qed ilesti ruħu biex jikkontesta għal mexxej Laburista u ma jridx ma’ saqajh nies qrib it-tmexxija ta’ Kastilja. James Piscopo hu magħruf li hu qrib ħafna ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri b’hekk Ian Borg ried jeħles minnu kemm jista’ jkun malajr qabel tirranka t-tellieqa.
//= $special ?>