L-eks-First Lady tal-Istati Uniti, Laura Bush, ikkundannat politika kontroversjali intiża biex taqsam lill-familji li jidħlu illegalment fil-pajjiż.
Laura Bush, li hi miżżewwġa lill-eks-President George W. Bush, fissret is-separazzjoni tat-tfal minn mal-ġenituri bħala ‘xi ħaġa krudili, immorali u ta’ qsim il-qalb’. Dan permezz ta’ artiklu li ngħata prominenza fil-Washington Post.
Hi esprimiet ruħha b’dan il-mod fost il-kontroversja kbira li nqalgħet rigward il-politika ta’ ‘żero tolleranza’ għall-immigrazzjoni min-naħa tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.
Fl-istess ħin, Melania Trump, bħala l-First Lady attwali tal-Istati Uniti, ukoll għamlet stqarrija rari fejn esprimiet it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni. Dan waqt li kelliema għal Melania sostniet li ‘hi ( Melania) tobgħod tara lit-tfal isseparati minn familthom’.
L-istqarrija rrepetiet is-sejħa ta’ Donald Trump biex ‘iż-żewġ naħat’ jaħdmu fuq riforma tal-immigrazzjoni bħala soluzzjoni. Madankollu, sar magħruf li l-politika partikulari dwar l-immigrazzjoni kienet introdotta mill-Avukat Ġenerali ta’ Trump u, għaldaqstant, m’hemm l-ebda bżonn ta’ azzjoni jew direttiva mill-Kungress biex titwaqqaf.
F’perjodu riċenti ta’ sitt ġimgħat kien hemm kważi 2,000 każ ta’ separazzjoni fil-familji tal-immigranti fl-Istati Uniti.
L-adulti li jippruvaw jaqsmu l-fruntiera lejn l-Istati Uniti minn zoni ‘ulterjuri’ minflok miz-zoni uffiċjali għall-aċċess qegħdin jinżammu mill-awtoritajiet, filwaqt li jiffaċċjaw il-prosekuzzjoni għal aġir kriminali relatat mad-dħul illegali f’pajjiż barrani. Dan meta ħafna mill-immigranti kienu qed jippjanaw biex isibu l-kenn politiku fl-Istati Uniti.
Intant, u b’riżultat ta’ dan, mijiet ta’ tfal u trabi, illum, qed ikunu alloġġjati f’ċentri tad-detenzjoni li jinkludu numru ta’ mħażen u supermarkets ikkonvertiti għal dan l-iskop.
Hu minnu wkoll li dawn it-tfal u t-trabi qegħdin jinżammu ’l bogħod mill-ġenituri tagħhom, bil-kritiċi – mhux l-anqas Laura Bush – jikkundannaw din l-azzjoni bħala waħda mingħajr preċedent.
Melania Trump u Laura Bush jingħaqdu fil-kundanna għall-politika li tissepara familji tal-immigranti


