Numru ta’ studenti fl-MCAST suppost se jibdew ir-resits tagħhom tliet ijiem oħra, iżda s’issa għadhom ma rċivewx ir-riżultati biex ikunu jafu jekk għaddewx mill-eżamijiet u jekk le x’materjal iridu jistudjaw.
Diversi studenti għamlu kuntatt ma’ NET News inkwetati dwar dan id-dewmien. Huma għamlu aċċenn għall-fatt li hemm diversi korsijiet u livelli fl-MCAST li għadhom mingħajr riżultati mentri sippost se jibdew bit-tieni prova tal-eżamijiet fil-21 ta’ Ġunju li ġej.
L-istudenti wasslu l-ilment tagħhom, u wħud minnhom anke kitbu fuq il-media soċjali jilmentaw dwar in-nuqqas ta’ żmien allokat lilhom biex jippreparaw għar-resit minn meta jirċievu r-riżultat, sal-ġurnata li hi skedata l-ġurnata tal-eżami. L-istudenti qalu li għadhom ma fehmux għalfejn huma qegħdin jitħallew fil-għama.
Filfatt, studenti li tkellmu ma’ NET News staqsew kif jista’ jkun li tistudja suġġett sħiħ f’inqas minn tliet ijiem għall-eżami. Għaldaqstant appellaw biex il-perjodu għall-eżamijiet tar-resits jiġi postpost.
Ħafna minn dawk li qegħdin jilmentaw ġejjin mill-korsijiet tal-Istitut għall-Immaniġġjar tal-Business u l-Kummerċ. Hemm studenti oħrajn li għamlu kuntatt magħna u stqarrew li bdew jirċievu r-riżultati f’dawn il-jiem iżda xorta m’għandhomx żmien biżejjed biex jistudjaw għall-eżamijiet.
Dwar din il-kwistjoni, NET News bagħat serje ta’ domandi lill-amministrazzjoni tal-MCAST.
Dawn huma uħud mill-posts tal-istudenti fuq il-media soċjali:
//= $special ?>