Lokali

TAL-LINJA BĦALL-AIR MALTA: “Ivvintaw skedi li ma jistgħux iħaddmuhom”

Diversi nies urtati għat-tibdil li sar mill-Malta Public Transport

Għadu lanqas beda jirranka s-Sajf u diġa’ splodew l-ilmeti dwar is-servizz tal-karozzi tal-linja, l-aktar minħabba t-taħwid li hemm fil-frekwenzi tal-vjaġġi, id-dewmien li qed jesperjenzaw nies fuq l-istages u l-kundizzjonijiet li qed jaħdmu fihom ix-xufiera.

NET NEWS fl-aħħar ġranet irċieva serje ta’ emails u ilmenti minngħand nies li mhux jinqdew sew kemm ilha li daħlet fis-seħħ l-iskeda l-ġdida ta’ vjaġġi mill-Malta Public Transport.

Dan apparti l-fatt illi l-biljett ta’ sagħtejn, kif jiġri kull Sajf, żdied b’50ċ.

Kienu bosta dawk li esprimew l-ilmenti tagħhom fuq il-media soċjali, b’ritratt wara l-ieħor li juri nies jistennew għal ħin twil f’diversi inħawi ta’ Malta, u f’ħinijiet differenti.

Xufier li tkellem magħna bil-kundizzjoni tal-anonimita’ qalilna illi s-sitwazzjoni ta’ dak li qed jiġri fis-servizz tal-linja hu l-istess bħall-Air Malta. “Qed jiġrilna bħall-ajruplani tal-Air Malta. Kif tista’ tbiddel ir-rotot tal-linja meta m’għandekx vetturi biżżejjed? U qed nispiċċaw neħlu aħna”, qalilna dan ix-xufier.

Il-Gvern qed jagħti sussidju ta’ €30 miljun kull sena biex jiġi operat dan is-servizz.

Ritratt: Twitter / K Micallef

Ikkummenta