Tlett persuni, fosthom tifla ta’ disa’ snin, tilfu ħajjiethom wara terremot li ikellu l-qawwa ta’ 6.1 fuq l-Iskala Richter. It-terremot kellu l-epiċentru tiegħu fil-belt Ġappuniża ta’ Osaka u ħalla aktar minn 200 persuna midruba.
L-awtoritajiet ikkonfermaw li tifla ta’ disa’ snin spiċċat fost il-mejtin b’riżultat tat-terremot, bl-ajruporti fiz-zona jagħlqu għal sigħat waqt li s-sitwazzjoni kienet evalwata. Tħarbat ukoll it-trasport bil-ferroviji f’Osaka, bil-fabbriki jieqfu mill-produzzjoni.
Imma t-terremotma kienx segwit bi twissija dwar it-tsunami u l-impjanti f’Osaka baqgħu jaħdmu normali.
Għalkemm il-parti kbira tat-trasport pubbliku f’Osaka baqa’ paralizzat, il-karozzi tal-linja komplew jaħdmu fuq l-iskeda bl-aħjar mod possibbli fiċ-ċirkustanzi.
Daħlu wkoll rapporti li ħafna nies spiċċaw maqbudin fil-lifts tal-bini minħabba kumplikazzjonijiet fis-sistemi, waqt li feġġew xquq kbar fit-toroq, bl-ilma jispiċċa jnixxi minn pajpijiet maqsumin fl-apert.
Madwar 170,000 djar spiċċaw mingħajr provvista tad-dawl waqt li waqqfu l-kunsinni tal-gass lil xi 100,000 djar fl-inħawi milquta.
Dan fost konferma li t-terremot kbir affettwa wkoll ir-reġjuni ta’ Kyoto, Nara, Nyogo u Shiga. Ma kienx eskluż, intant, li dan it-terremot ikun segwit b’theżżiża kbira oħra tal-art (f’Osaka) matul il-jiem li ġejjin.
Terremot fatali f’Osaka


