Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Zammit Dimech se jkun ir-Rapporteur tal-Grupp tal-PPE dwar il-leġiżlazzjoni ġdida dwar il-whistleblowers

L-MEP Francis Zammit Dimech ingħata l-fiduċja mill-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew biex iservi bħala r-Rapporteur tal-Grupp dwar liġi li tikkonċerna l-whistleblowers, wara li f’April li għadda, l-Kummissjoni Ewropea proponiet liġi ġdida li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-whistleblowers fl-Unjoni Ewropea.

Waqt li kien qed jirreaġixxi għal din il-ħatra, Zammit Dimech qal “Il-protezzjoni tal-whistleblowers hi dwar il-protezzjoni taċ-ċittadini kollha tal-UE. Wara li ddefendew it-tajjeb u kixfu ksur tal-liġijiet Ewropej li jagħmlu ħsara lis-soċjetà in ġenerali, whistleblowers qed jaffaċċjaw riskji kbar ta’ ritaljazzjoni. Għalhekk hu d-dmir tagħna li niproteġu aħjar lil dawn in-nies onesti.” Waqt li emfażizza r-rwol kruċjali li għandhom il-whistleblowers fis-soċjetà, Zammit Dimech qal li kieku ma kienx għall-whistleblowers, kieku ma konniex inkunu nafu bi skandli bħall-Panama Papers u Cambridge Analytica, skandli li jaffettwaw iċ-ċittadini tal-UE.

Il-protezzjoni tal-whistleblowers mhix l-istess madwar l-UE. F’rapport dwar il-Libertà u l-Pluraliżmu tal-Media, Zammit Dimech spjega kif il-whistleblowers huma kruċjali għall-ġurnaliżmu investigattiv. F’dan ir-rigward, hu rrimarka li l-liġi trid tissaħħaħ għaliex il-Gvern Malti qed jiftaħar b’Att dwar il-Whistleblowers, iżda fil-verità, qed juża din il-liġi biss biex jiproteġi u jagħti tenders lil whistelblowers li jixkfu xi ħaġa li togħġob lill-Gvern.

Zammit Dimech se jaħdem mill-qrib mal-Lead Rapporteur l-MEP Curzio Maltese, li Zammit Dimech ħadem viċin tiegħu dwar ir-rapport tal-Libertà u l-Pluraliżmu tal-Media. Il-liġi proposta se tkun skrutinizzata wkoll mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li Zammit Dimech hu membru tiegħu.

Il-liġi proposta se tkun qed tistabbilixxi metodi siguri għar-rappurtaġġ, toħloq standards fl-UE kollha għall-protezzjoni tal-whistleblowers, u tiżviluppa mekkaniżmi li jiproteġu l-whistleblowers kontra r-ritaljazzjoni. Il-Kumitat li hu responsabbli mill-media ngħata sa Ottubru biex jiprepara l-pożizzjoni tiegħu.