Lokali

Avukat jisfida l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni fil-Qorti Kostituzzjonali

L-Avukat Tonio Azzopardi fetaħ kawża fil-Qorti Kostituzzjonali biex jattakka l-kostituzzjonalità tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni kif se jkun ġie emendat illejla.

Dan ġie żvelat mill-ġurnal The Malta Independent.

Illejla, fil-Parlament, hu mistenni li bil-vot tal-Gvern jgħaddu emendi għal din il-liġi li se jaraw id-dħul tal-iffriżar tal-embrijuni f’Malta.

Fil-kawża Kostituzzjonali li fetaħ, l-Avukat Tonio Azzopardi qal li l-iffriżar tal-embrijuni jmur kontra d-dritt tal-ħajja kif garantit bil-Kostituzzjoni.

Skont The Malta Independent, jekk il-Qorti Kostituzzjonali tilqa’ t-talba tal-Avukat Azzopardi, il-Parlament Malti jista’ jkun sfurzat jerġa’ jikkunsidra l-kwistjoni. Il-kawża Kostituzzjonali nfetħet kontra l-Avukat Ġenerali.

Il-kawza ġiet appuntata mill-Imħallef Silvio Meli għat-28 ta’ Ġunju.