Lokali

“Bżonn ta’ ftit ġranet biex is-sistema tindara” – Malta Public Transport

Jikkonfermaw li hemm bżonn aktar vetturi u aktar xufiera

Il-kumpanija Malta Public Transport fi stqarrija irreaġixxiet għall-artiklu ppubblikat minn dan is-sit, fejn intefa’ dawl fuq il-problemi li qed jiffaċjaw diversi passiġġieri minħabba r-rotot ġodda li inħolqu għas-sajf.

Din il-ġimgħa, xufier li tkellem magħna bil-kundizzjoni tal-anonimita’ qalilna illi s-sitwazzjoni ta’ dak li qed jiġri fis-servizz tal-linja hu l-istess bħall-Air Malta. “Qed jiġrilna bħall-ajruplani tal-Air Malta. Kif tista’ tbiddel ir-rotot tal-linja meta m’għandekx vetturi biżżejjed? U qed nispiċċaw neħlu aħna”, qalilna dan ix-xufier.

Il-Malta Public Transport iżda qalet li l-iskeda tas-sajf bdiet topera fl-10 ta’ Ġunju din is-sena, b’żieda ta’ kważi 300 vjaġġ kuljum meta kkomparat mal-iskeda tax-xitwa. “Kif jiġri kull sena, meta jkun hemm dan it-tibdil, ikun hemm bżonn ta’ ftit ġranet biex tindara s-sistema l-ġdida u l-kumpanija tixtieq tiskuża ruħha mal-passiġġiera għal dan l-inkonvenjent”.

Il-kumpanija qalet li din il-ġimgħa qed iġorr 165,000 passiġġier kuljum.

Intqal ukoll illi dan is-sajf il-kumpanija qed topera bi flotta ta’ 405 karozza tal-linja, ikkumparat ma’ 386 li kien hemm is-sena li għaddiet. Matul din l-aħħar ġimgħa kien hemm 80 xufier ġdid jopera is-servizz tat-trasport pubbliku u sa Lulju se jkun hemm 80 xufiera ġodda oħra, hekk kif il-frekwenzi tal-karozzi tal-linja jerġgħu jiżdiedu.