Lokali

AĠĠORNATA: Il-bastiment Taljan b’523 immigrant abbord se jidħol Pozzallo

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel

Il-bastiment militari Taljan Diciotti qatta’ l-aħħar 24 siegħa ibaħħar ‘il fuq u l-isfel ‘il barra mill-kosta Maltija, hekk kif illejla sar magħruf li issa se jkun qed idur fid-direzzjoni ta’ Pozzallo.

Dan il-vapur għandu fuqu mal-520 immigrant li ġew salvati mill-ibħra Libjani.

Fost l-immigranti salvati hemm dawk li kienu involuti fin-nawfraġju tat-12 ta’ Ġunju li għadda, fejn mietu 12-il persuna. Fil-fatt, kien l-vapur militari Taljan illi salva il-bqija tal-immigranti li spiċċaw fil-baħar – l-istess vapur li bħalissa jinsab ‘il barra minn pajjiżna.

Mhux magħruf eżatt x’inhi r-raġuni għaliex id-Diciotti qatta’ ħin twil ibaħħar barra pajjiżna, għalkemm issa kien hemm il-konferma li l-vapur se jidħol fil-port Sqalli ta’ Pozzallo.

Quddiem din is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni, il-kap tal-PN Adrian Delia saħaq li l-PN se jibqa’ jiddefendi l-interess nazzjonali.