Futbol Sport

Griezmann iġedded il-kuntratt ma’ Atletico Madrid

Antoine Griezmann (Ritratt: EPA)

Antoine Griezmann ġedded il-kuntratt ma’ Atletico Madrid sal-2023, jiem wara li rrifjuta trasferiment ma’ Barcelona. Griezmann kien kritikat kemm mill-partitarji ta’ Barcelona kif ukoll ta’ Atletico Madrid talli żvela d-deċiżjoni tiegħu f’dokumentarju ta’ siegħa li ntwera fuq l-istazzjon Spanjol Movistar.

Atletico Madrid kellhom jaħdmu iebes biex iżommu lil Griezmann magħhom, b’rapporti jgħidu li l-istaġun li għadda kien viċin li jingħaqad ma’ Manchester United. Griezmann kif offrut kważi €20 miljun biex jibqa’, u wegħda ta’ investiment fl-iskwadra ta’ aktar minn €100 miljun biex ikunu jistgħu jisfidaw għall-unuri.

Thomas Lemar mistenni jkun l-ewwel plejer li jiżdied mal-iskwadra, b’Atletico jikkonfermaw li qablu t-termini personali mal-plejer u l-ftehim ikun konkluż, suġġett għal eżami mediku u l-iffinalizzar tat-termini ma’ Monaco. Iż-żewġ klabbs laħqu ftehim preliminari l-ġimgħa l-oħra.

Griezmann wera l-impenn tiegħu ma’ Atletico Madrid billi żied sena oħra fil-kuntratt li għandu, wara li ltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv tal-klabb Miguel Angel Gil Marin fir-Russja. Hu bħalissa jinsab mat-tim nazzjonali Franċiż fit-Tazza tad-Dinja. Griezmann skorja l-ewwel gowl ta’ Franza, fir-rebħa li huma kellhom kontra l-Awstralja 2-1.

Sieħbu fit-tim u l-klabb Lucas Hernandez, ukoll ġedded il-kuntratt sal-2024.