Lokali

Il-Fondazzjoni Life Network tgħid li l-iffriżar tal-embrijuni jikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta

Il-Fondazzjoni Life Network bagħtet ittra lill-Gvern, indirizzata lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, biex tgħidlu li l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni jmur kontra l-Kostituzzjoni, peress li skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta, ħadd m’għandu jiġi mċaħħad mid-dritt fundamentali tal-ħajja.

Il-Fondazzjoni Life Network qalet li għalkemm il-liġi, fosthom il-Kostituzzjoni, ma tispeċifikax espressament minn liema stadju hija protetta l-ħajja, kien hemm każijiet mill-Qorti li urew li tarbija mhux imwielda wkoll għandha d-drittijiet. Fl-ittra tagħhom lill-Ministru Fearne, il-Life Network Foundation ġabu eżempji oħra biex juru li l-liġi, anke jekk b’mod indirett – tipproteġi l-ħajja sa mill-konċepiment.

“Din il-liġi ser tħalli riperkussjonijiet, u tpoġġi fil-periklu l-ħajja ta’ ħafna embrijuni” – temmet tgħid il-Fondazzjoni Life Network fl-ittra tagħha.

L-ittra li ntbgħatet lill-Ministru Fearne issegwi protest ġudizzjarju li ddaħħal dalgħodu fil-Qorti mill-Avukat Tonio Azzopardi biex jattakka l-kostituzzjonalità tal-liġi kif irid ibiddilha l-Gvern.

Avukat jisfida l-introduzzjoni tal-iffriżar tal-embrijuni fil-Qorti Kostituzzjonali