Tliet irġiel tilfu ħajjithom b’kaġun ta’ sparatura viċin stabbiliment tal-internet cafe, fil-belt ta’ Malmo. Il-Pulizija qalet li ma kienx hemm indikazzjoni li l-każ hu relatat mat-terroriżmu, meta f’Malmo ta’ spiss qegħdin isiru r-reati vjolenti mill-gruppi kriminali.
L-isparatura seħħet matul il-lejl tat-Tnejn, bir-rapporti jgħidu li talanqas aggressur fetaħ in-nar fuq grupp ta’ nies li kienu ħerġin mill-istabbilment inkwistjoni. Mhux ċar jekk l-aggressur kienx qed jistenna barra l-internet cafe inkella jekk sparax lejn in-nies minn ġo karozza.
Ir-rapporti, aktar tard, ikkonfermaw numru ta’ midruba f’dan l-attakk li seħħ ukoll viċin għassa tal-pulizija u li qed ikun marbut mal-kriminalità organizzata.
Il-midruba ttieħdu għal trattament l-isptar u l-pulizija minnufih bdew jinterrogaw lix-xhieda fiz-zona tal-isparatura waqt li għalqu l-aċċess għall-inħawi.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, meta mifhum li l-qattiel ma damx biex jaħrab minn fuq il-post tad-delitt, b’karozza.
Filwaqt li ma sarux arresti, qed jingħad li talanqas wieħed fost il-maqtula fl-isparatura kien magħruf mal-pulizija. Intant, l-awtoritajiet Żvediżi qed jgħidu li mhemm l-ebda lok għal allarm fost il-pubbliku.
//= $special ?>


