Futbol Sport

Magħrufa l-avversarji ta’ Valletta fl-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League

Valletta se jkunu qed jilagħbu kontra Kukesi tal-Albanija fl-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League hekk kif ftit tal-ħin ilu telgħu l-poloz f’Nyon fl-Iżvizzera.

B’kollox kien hemm 32 tim fl-ewwel rawnd tal-UEFA Champions League. It-timijiet inqasmu fi tliet gruppi, b’Valletta ma kinux seeded fit-tielet Grupp. Il-Beltin setgħu jitilgħu fil-polza kontra Celtic tal-Iskozja, Astana tal-Każakistan, Red Star Belgrade tas-Serbja, Hapoel Beer-Sheva tal-Iżrael u Zrinjski Mostar tal-Bożnja.

Ir-rebbieħa tal-logħbiet jikkwalifikaw għat-tieni rawnd tal-UEFA Champions League filwaqt li t-telliefa jidħlu fit-tieni rawnd tal-UEFA Europa League. Il-logħob tal-ewwel rawnd jintlagħbu fl-10 u l-11 ta’ Lulju, bil-partiti ta’ ritorn jintlagħbu fis-17 u t-18 ta’ Lulju.

Fit-tieni rawnd, ir-rebbieħa bejn Valletta u Kukesi jilgħab mar-rebbieħ tal-konfront bejn NK Olimpija Ljubljana tas-Slovenja u Qarabag tal-Ażerbajġan.