Lokali

Pass ieħor għall-Youtubers Maltin biex jitħallsu għall-kontenut li jkun iġġenerat online

Tinħoloq estensjoni ta' Youtube għal Malta: 'www.youtube.com.mt'

“It-tnedija llum ta’ paġna speċifika ta’ Youtube għal Malta – www.youtube.com.mt – huwa pass importanti għall-Youtubers Maltin, dawk li joħolqu l-kontenut kif ukoll dawk li jużawh. Dan mhux biss għaliex il-kontenut lokali jkun aktar aċċessibbli online, iżda l-kontenut iġġenerat minn Maltin, inkluż bosta artisti, jista’ jiġi promoss aħjar. Hu pass ieħor ukoll biex il-Youtubers Maltin ikunu kkumpensati finanzjarjament għall-kontenut iġġenerat online.”

Francis Zammit Dimech qal dan wara li Youtube ħabbru t-tnedija ta’ verżjoni speċifika u domain lokali għal Malta, disponibbli bl-Ingliż fuq www.youtube.com.mt. Youtube ħabbru wkoll li se jespandu l-Youtube Partnership Programme (YPP) għal Malta aktar tard din is-sena, biex dawk li joħolqu l-kontenut ikunu jistgħu jaqilgħu l-flus mill-videos tagħhom, u jkollhom aċċess għal bosta għodda u riżorsi biex jagħmlu użu aħjar mill-kontenut tagħhom fuq Youtube.

Zammit Dimech żied jgħid li Youtube hu pjattaforma importanti, b’mod speċjali għall-artisti żgħażagħ li jridu jesponu t-talenti tagħhom. Għalhekk, dawn il-passi se jkomplu jgħinu lill-artisti lokali, u jtuhom udjenzi akbar u appoġġ finanzjarju.

FILMAT: “L-artisti Maltin li jużaw YouTube għandhom jitħallsu bħall-Ewropej l-oħra”

F’Marzu li għadda, Zammit Dimech organizza sessjoni ta’ taħriġ għall-komunità Maltija tal-Youtube u stieden esperti tal-Youtube biex jaqsmu l-għarfien tagħhom ma’ diversi Maltin u Għawdxi li joħolqu l-kontenut online, biex ikunu jafu aktar kif jistgħu jsaħħu l-vuċi tagħhom permezz ta’ workshops differenti f’livelli differenti. Zammit Dimech ilu wkoll jappoġġja l-komunità Maltija tal-Youtube billi jinsisti għal kumpens finanzjarju għall-kontenut li jiġġeneraw u jxerrdu fuq Youtube.

Zammit Dimech irringrazzja wkoll il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Kultura u l-Media Therese Comodini Cachia li wkoll ħadmet biex dan kollu jimmaterjalizza, inkluż meta kienet MEP fid-dawl tar-responsabbiltà tagħha fit-tmexxija tar-riforma tal-Copyright.

F’Marzu li għadda, NET News ippubblika kummenti ta’ uffiċjal ta’ Youtube li qal li għaddejja ħidma biex il-Maltin ikunu jistgħu jitħallsu għall-videos li jtellgħu online.

FILMAT: “Qed naħdmu fuqha” – Il-Maltin jistgħu jibdew jitħallsu għall-videos li jtellgħu online