Il-Ministru Taljan għall-Intern, Matteo Salvini, qajjem kontroversja ġdida wara li qal li jrid ċensiment għall-komunità taż-żingari ‘Roma’ bil-għan li jwassal għad-deportazzjoni ta’ persuni li mhumiex Taljani. Maż-żmien, imbagħad, Salvini – protagonista tal-Partit Lega Lord u magħruf għall-politika populista tiegħu – wieġeb għall-kritika bil-kumment li ‘hu kien qed jaħseb biss biex jipproteġi lit-tfal tar-‘Roma’.
Ir-rimarki ta’ Salvini dwar ir-‘Roma’ kienu eventwalment irtirati mill-Viċi-Prim Ministru u kollega, Luigi di Maio — bil-Kap tal-Moviment Cinque Stelle jagħmilha ċara li ċensiment fuq din il-bażi għandha tmur kontra l-Kostituzzjoni.
Il-Lega Nord ħa l-poter dan ix-xahar f’koalizzjoni ma’ Cinque Stelle u qed jiddedika l-isforzi tiegħu għat-trażżin tal-immigrazzjoni. Intant, Salvini, jiem ilu, kien fl-eqqel ta’ kontroversja oħra kbira, meta rrifjuta li jdaħħal il-bastiment ‘Aquarius’ ( fl-Italja) b’629 immigrant abbord, u bil-polemika tinvolvi wkoll lil Malta u Spanja.
Salvini jrid iwaqqaf il-bastimenti li jsalvaw lin-nies ‘il barra mil-Libja milli jidħlu l-Italja. L-‘Aquarius’, eventwalment, wasal fil-port Spanjol ta’ Valencia, xi jiem ilu.
Sadanittant, Matteo Salvini qal lill-media li hu kien talab lill-uffiċjali biex iħejju dossier (fil-Ministeru) dwar il-kwistjoni taż-żingari fl-Italja. Dan bħala stħarriġ dwar ‘min huma ż-zingari; kemm qegħdin dawn in-nies bħala numru ( fl-Italja) u kif huma qegħdin jgħixu’.
Salvini tenna l-ħsieb biex jispiċċaw iddeportati ‘ir-‘Roma’ li mgħandhomx id-dritt li jibqgħu l-Italja u biż-żingari Taljani jibqgħu fil-pajjiż.
Parti mill-programm tal-koalizzjoni populista ta’ Salvini u Di Maio tesiġi pjan għad-deportazzjoni ta’ xi 500,000 immigrant.
Intant, assoċjazzjoni għad-drittijiet tar-‘Roma’ sostniet li kull ċensiment li jibbaża fuq l-istorja etnika tal-individwu imur kontra l-liġi Taljana, bl-avversarji politiċi tal-koalizzjoni Taljana ġdida jesprimu ‘orrur’ għall-idea.
//= $special ?>

