Lokali Parlament

Se jċaqilqu 120 anzjan minn Montè Carmeli għal Residenza f’Tas-Sliema b’detriment għal saħħithom

L-isptar Monte Karmeli

– Mario Galea, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea appella lill-Kummissarju tal-Anzjani u lill-Ombudsman tas-Saħħa biex jinvestigaw ċaqlieq ta’ 120 anzjan minn Montè Carmeli għal Residenza f’Tas-Sliema b’detriment għal saħħithom u bla konsultazzjoni.

Fl-Aġġornament tal-parlament Mario Galea tkellem dwar l-investiment li wettaq Gvern Nazzjonalista f’Montè Carmeli fejn żdiedu s-sodod għal pazjenti li jkunu rikoverati fit-tul. Issa jirriżulta li lil dawn l-anzjani qed jgħidulhom li se jiċċaqalqu għar-Residenza ‘Live Life’ f’Tas-Sliema. Dan sar bla konsultazzjoni ta’ xejn; la mat-tobba u lanqas mal-infermiera.

Id-deċiżjoni ttieħdet mis-CEO li ma jifhmix fil-ġerjatrija. Din hi deċiżjoni kattiva u ta’ detriment fuq is-saħħa tal-anzjani għaliex hu pprovat li meta jiċċaqilqu l-anzjani minn post għall-ieħor, dawn jista’ jkollhom komplikazzjonijiet u theddida għal saħħithom. Dawn l-anzjani lanqas jafu fejn sejirin f’Tas-Sliema.

F’Monte Carmeli dawn l-anzjani kellhom tobba, speċjalisti u infermiera l-ħin kollu, sostna Mario Galea, li staqsa jekk dawn l-anzjani hux se jkollhom l-istess servizzi kif kellhom qabel. Hu staqsa jekk dawn l-anzjani hux se jħallsu iktar għas-serviziz mediċi u jekk sarx il-mekkaniżmu dwar l-indipendenza tal-anzjani.

Din is-sitwazzjoni tista’ toħloq diffikultajiet għall-anzjani u jista’ jwassal għal konfużjoni mentali jew saħansitra mewt. Dawn il-120 anzjani kienu draw f’Monte Carmeli u kienu jafu lill-istaff. Il-konuslenti kellhom ikunu kkonsultati biex ikun stabbilit jekk dawn l-anzjani kellhomx imorru f’Tas-Sliema.

Mario Galea kompla li barra minn Malta qed tiżdied il-kura fil-komunità iżda l-Gvern Laburista qed inaqqas dan l-investiment u qed jinvesti f’Montè Carmeli. Gvern Nazzjonalista kien jagħti appartamenti għall-anzjani biex jgħixu fihom. F’Montè Carmeli l-pazjenti qed jiswew bejn €100 u €600. Hu appella biex qabel isisr dan iċ-ċaqlieq tal-anzjani il-Kummissarju tal-Anzjani Dr.Joe Cachia u l-Ombudsman tas-Saħħa jinvestigaw.