Ambjent Edukazzjoni Lokali

Studenti favur ambjent aħjar

L-istudenti minn età żgħira qed jiġu mgħallma kif għandhom ikabbru l-ħxejjex filwaqt li ma jeħlux ir-riżorsi bħall-ilma u l-plastik fl-iskola Primarja ta’ San Injazju f’Ħal Luqa.

Il-ħxejjex qed jitkabbru f’proġett li ġie inawgurat it-Tlieta filgħodu fil-bitħa tal-iskola ma’ wieħed mill-ħitan. Fost il-ħxejjex li ġew imħawla hemm ħass, salvja, ħabaq, u nagħniegħ.

L-ilma li jintuża biex jissaqqew il-ħxejjex mhux qed jinħela hekk kif iż-żejjed jaqa’ f’kontenitur u jerġa’ jintuża biex jissaqqew l-istess pjanti, filwaqt li minflok ħamrija qed jintuża fertilizzant.

F’riċiċviment żgħir li sar wara li ġie inawgurat il-ġnien, fl-ikel u x-xorb intuża nagħniegħ li ġie mkabbar fl-iskola nnifisha. Il-kontenituri tax-xorb huma tazzi li jistgħu jerġgħu jiġu użati minflok jintużaw tazzi li jintremew wara li jintużaw darba.

Madwar il-kamra kien hemm tpenġijiet tal-istudenti ta’ bejn l-ewwel u s-sitt sena fejn fost it-tpenġijiet kien hemm biex wieħed inixxef il-ħwejjeġ mingħajr ma juża tumble dryer, u li jibdew jintużaw karozzi elettriċi flok dawk li jaħdmu bil-petrol u diesel.

Min-naħa tiegħu, l-Assistent Kap tal-Iskola, Stefano Farrugia qal lil Net News kif ġewhom l-ideat għal dawn l-inizzjattivi favur l-ambjent.

Uħud mill-pjanti inżeraw fil-bidu tal-ġimgħa u hu maħsub li fi żmien tliet ġimgħat ikunu kibru u jistgħu jinqalgħu.

L-iskola Primarja ta’ Ħal Luqa ilha għal snin sħaħ tagħmel attivitajiet għall-istudenti biex jitgħalmu kif għandhom jieħdu ħsieb l-ambjent filwaqt li kemm jista’ jkun ma jaħlux.

Ritratti: Martin Aguis
Filmat: Joe Francalanza