Ekonomija Lokali

ĊIFRI TAL-UE: Konferma li l-Maltin qed iħallsu fost l-ogħla prezzijiet għall-ikel

Il-Maltin qed iħallsu fost l-ogħla prezzijiet fl-Ewropa għall-ikel u x-xorb li jikkunsmaw.

Dan kien konfermat minn ċifri li ġew ippubblikati llum mill-Eurostat, l-Uffiċċju Ewropew tal-Istatistika.

Skont il-Eurostat, f’Malta nħallsu prezzijiet tal-ikel li huma ogħla minn dawk li jħallsu l-Ġermaniżi, ogħla minn dawk li jħallsu ċ-Ċiprijotti, ogħla mill-prezz li jħallsu l-Portugiżi, ogħla minn dak li jħallsu l-Olandiżi, u ogħla mill-prezzijiet fir-Renju Unit.

Dawn iċ-ċifri juru li l-Maltin qed iħallsu għall-ikel u x-xorb prezz li hu aktar mill-medja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Ftit ilu, l-NSO ikkonferma li f’temp ta’ xahar il-Maltin esperjenzaw żieda oħra fl-għoli tal-ħajja. Dan hekk kif, fl-Indiċi tal-Prezzijiet rajna żieda minn 1.4 fil-mija (April 2018) għal 1.7 fil-mija (Mejju 2018).

Meta wieħed iħares lejn l-istatistika għall-aħħar 12-il xahar mal-ewwel jinnota li kien hemm żieda fil-prezz tal-ikel u xarbiet mhux alkoħoliċi, żieda fil-fuels u l-kirjiet, żieda fl-għamara u l-appliances, u anke żieda fil-prezzijiet tar-ristoranti u l-lukandi.