Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Cristiano Ronaldo jikser rekord Ewropew ta’ gowls skorjati

(Ritratt: EPA)

Id-daqqa ta’ ras li biha l-Portugall għelbet 1-0 lil Marokk, kienet importanti mhux biss għat-tim Portugiż iżda personalment għal Cristiano Ronaldo. Il-Portugiż mhux biss reġa’ jinsab waħdu fil-klassifika tal-aqwa skorer tat-tournament b’erba’ gowls, iżda skorja l-85 gowl mat-tim nazzjonali, biex b’hekk waqqaf rekord Ewropew.

Qabel din it-Tazza tad-Dinja, l-attakkant Ungeriż Ferenc Puskas kellu r-rekord bħala l-aktar plejer li skorja gowls internazzjonali għal nazzjon Ewropew b’84 gowl bejn l-1945 u l-1956. Iżda wara li laħaq lil Puskas bi tripletta fl-ewwel logħba tal-Portugall kontra Spanja, Ronaldo kiser dan ir-rekord fir-raba’ minuta kontra l-Marokk f’Moska.

Dawn iż-żewġ plejers huma distanti minn ta’ warajhom. Il-leġġenda tat-Tazza tad-Dinja Miroslav Klose jinsab it-tielet f’din il-klassifika, b’total ta’ 71 gowl skorjat għat-tim nazzjonali Ġermaniż bejn l-2001 u l-2014.

Iżda hu eks plejer ta’ Bayern Munich, l-ostaklu li jmiss li Ronaldo jrid jaqbeż biex isir l-aqwa skorer fl-istorja tal-futbol internazzjonali. Dan hu Ali Daei li skorja 109 gowls mat-tim nazzjonali tal-Iran f’karriera ta’ 13-il sena bejn l-1993 u l-2006.

Ronaldo jipprova jagħlaq dan id-distakk it-Tnejn li ġej meta l-Portugall tilgħab proprju mal-Iran.