Lokali Qorti

Iktar minn nofs il-poplu Malti m’għandux fiduċja fil-Qrati

Skont l-aħħar stħarriġ li sar, 55% tal-poplu Malti ma jemmnux li l-Qrati Maltin huma indipendenti

Il-fiduċja fil-Qrati Maltin qegħda tonqos – dan hekk kif inqas nies saru jemmnu fl-indipendenza tal-ġudikatura.

Skont l-aħħar stħarriġ, huwa biss ftit inqas minn nofs il-poplu Malti li jemmen li l-awtonomija fil-ġudikatura hi tajba ħafna jew tajba sa ċertu punt.

Il-figuri li ħarġu minn studju tal-uffiċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, juri li din is-sena 45% biss tal-poplu Malti jemmen li l-indipendenza tal-Qrati Maltin hi tajba ħafna jew tajba sa ċertu punt. Din l-istatistika tfisser li mis-sena l-oħra ‘l hawn, il-fiduċja tal-poplu Malti fis-sistema ġudizzjarja naqset b’5%.

Din l-informazzjoni maħruġa mill-Eurostat hi bbażata fuq il-perċezzjoni tan-nies dwar kemm jemmnu li l-Qrati huma indipendenti fl-istati membri fl-Unjoni Ewropea.

Skont il-figuri meħuda fuq skala Ewropea, jidher li l-maġġoranza jemmnu fl-indipendenza tal-ġudikatura. Filfatt il-fiduċja medja fl-Unjoni Ewropea tikkuntrasta ma’ dik tal-poplu Malti, hekk kif 56% tal-poplu Ewropew jemmen li l-ġudikatura hi indipendenti, jiġifieri żieda ta’ perċentwal fuq is-sena li għaddiet.

L-għola fiduċja fil-Qrati ġiet irreġistrata fid-Danimarka b’87%, filwaqt li l-inqas fiduċja fl-indipendenza tal-ġudikatura tinsab fil-Kroazja.