Lokali

Il-libsa tad-diżinjatur internazzjonali Jason Grech tpaxxi lill-bejjiegħa u xerrejja tal-monti f’Birkirkara

Fl-aħħar ftit jiem li għad baqalu hawn Malta, id-diżinjatur Malti Awstraljan Jason Grech għażel li jħalli warajh il-legat tiegħu f’dan il-pajjiż li tant iħobb u f’Birkirkara li baqgħet marbuta f’qalb familtu.

L-Erbgħa, hu ngħaqad ma’ tim kollu Malti biex ħadu diversi ritratti tal-libsa bl-arma tal-Għaqda Mużikali ta’ Santa Liena fiċ-ċentru tal-monti ta’ Birkirkara … libsa li ddebutta biha fil-Malta Fashion Week, biex b’hekk qata’ xewqet ommu li dejjem xtaqet li jesebixxi f’Malta, il-pajjiż li emigrat minnu qabel twieled Jason.

Ir-ritratti ttieħdu fit-toroq ta’ Birkirkara qalb il-bejjiegħa u x-xerrejja tal-monti biex jirrelata l-libsa ma’ art twelid ommu u mal-affarijiet tradizzjonali Malti, fosthom l-imqaret.

Fuq wiċċ ix-xerrejja, espressjoni ta’ sorpriża u apprezzament għal din il-libsa mill-isbaħ li ddiżinja Jason, tant li kien hemm uħud li saħansitra waqfu biex ikellmu lil mudella.

B’sorpriża għal ommu, binha ddiżinja din il-libsa partikolari bl-arma tal-Għaqda Mużikali ta’ Santa Liena, l-għaqda li missierha tant kien iħobb u li tagħha kien ukoll surmast. Hekk kif ħarġet il-mudella fuq ir-red carpet b’din il-libsa, beda jindaqq l-innu tal-Bagri.

F’kummenti lil Net News, Jason mill-ġdid tkellem magħna dwar l-imħabba li għandu għal Birkirkara. “Because it is the suq, it is Birkirkara, it is where my parents grew up, so it is really special to us,” qal Jason.

Din ma kinitx biss xewqa tiegħu, iżda wkoll ta’ ommu, hekk kif baqgħet tħobb lil pajjiżna. Wara tnax-il sena, hi qasmet lejn Malta, fl-eta ta’ 87 sena, biex tara lil binha jesebixxi xogħlu.

Bil-ġest tiegħu li jiddedika libsa marbuta ma’ pajjiżna, Jason jixhed ukoll kemm il-Maltin huma speċjali għalih. “I love them so much, they are extremely sweet, my heart is full of love with them,” qal Jason fuq il-Maltin, filwaqt li żied jgħid, “It has been really special.”

L-Erbgħa filgħaxija, Jason Grech se jgħati b’donazzjoni l-libsa bl-arma tal-Għaqda Mużikali ta’ Santa Liena lill-istess għaqda li familtu tant għandhom għal qalbhom biex b’hekk issa se tibqa’ titgawda minn dawk kollha li jżuru l-Każin tal-Bagri.

Ritratti: Matthew Tabone
Filmat: Noel Zammit

Iktar dwar ix-xewqa li seħħet realtà ta’ ommu fil-link t’hawn taħt:

“Xewqet ommi dejjem kienet li nesebixxi xogħli f’Malta” – id-diżinjatur Jason Grech