Lokali

L-ERA toġġezjona għal-lukanda f’ODZ

L-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, qed toġġezzjona għal applikazzjoni li l-mara tal-eks Ministru għal Għawdex Anton Refalo applikat biex tiżviluppa fiż-żona Tal-Malvi, fil-Qala, Għawdex.

Jekk tiġi approvata l-applikazzjoni, il-lukanda tinbena f’żona ODZ, bl-ERA li qed tilmenta li jekk tiġi aċċettata din il-proposta, din iż-żona mhix mimsusa se tispiċċa taħt pressjoni ta’ applikazzjonijiet oħra għal attivitajiet u interventi anċillari futuri.

Fid-dawl ta’ dan, l-ERA qed toġġezzjoni fil-prinċipju għall-approvazzjoni ta’ din l-applikazzjoni. Anke s-Sovratendenza għall-Wirt Kulturali wissiet lill-Awtorità tal-Ippjanar għall-fatt li parti mill-proprjetà li se tiġi żviluppata għandha valur storiku evidenti minħabba l-preżenza ta’ għar.

Is-Sovratendenza filfatt qed titlob aktar informazzjoni, inkluż dwar dan l-għar, hekk kif mhux magħrufa n-natura tiegħu. Din mhix l-ewwel applikazzjoni għal żvilupp f’dan is-sit, għalkemm li hemm differenti hi f’min qed japplika din id-darba.

Dan hekk kif kull applikazzjoni sal-2004 kienet qed issir f’isem Anton Refalo nnifsu, li sa dak iż-żmien kien diġa’ laħaq Membru Parlamentari Laburista. Iżda mill-2009 ‘il quddiem l-applikazzjonijiet bdew isiru minn martu Lina.

Wara li ma nghatax Ministeru, il-Gvern Laburista kkuntentah xorta waħda billi nħatar chairperson ta’ Heritage Malta.