Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

L-Urugwaj mal-aħħar 16 b’gowl ta’ Luis Suarez

(Ritratt: EPA)

L-Urugwaj qatgħu passaġġ mal-aħħar 16 fit-Tazza tad-Dinja wara li għelbu lill-Arabja Sawdija 1-0, logħba li ntlagħbet fl-istadium Rostov-on-Don.

Din ir-rebħa fissret ukoll post ir-Russja mal-aħħar 16 u eliminat lill-Eġittu u l-Arabja Sawdija, bil-gowl deċiżiv jasal minn Luis Suarez fil-100 logħba tiegħu mat-tim nazzjonali.

L-Urugwaj issa trid tegħleb lir-Russja f’Samara t-Tnejn li ġej biex tispiċċa fil-quċċata tal-grupp, filwaqt li l-Arabja Sawdija tilgħab l-aħħar logħba kontra l-Eġittu bit-tama li ma tispiċċax l-aħħar fil-grupp.

L-Arabja Sawdija kienet umiljata 5-0 mir-Russja fl-ewwel logħba, iżda l-prestazzjoni tagħhom kontra l-Urugwaj kienet ħafna aħjar, fejn iddominaw il-pussess fl-ewwel taqsima u kellhom żewġ opportunitajiet ta’ skor minn Hatan Bahbir l-ewwel mid-distanza u l-ieħor b’xutt mill-ewwel li għadda barra mill-viċin.

Iżda x-xogħol tagħhom ittappan b’gowl li seta’ ġie evitat fit-23 minuta, hekk kif Suarez sar l-ewwel plejer mill-Urugwaj li skorja fi tliet edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja b’mod konsekuttiv.

Korner mix-xellug ta’ Carlos Sanchez fuq it-tieni lasta, b’Suarez jieħu vantaġġ mill-ħarġa indeċiża tal-gowlkiper u skorja b’xutt mill-ewwel bix-xellug.

Iż-żewġ naħat dehru jbatu fis-sħana ta’ Rostov, b’Sanchez ifalli l-ewwel opportunità kbira tat-tieni taqsima meta prova b’daqqa ta’ ras li għaddiet fuq il-lasta wara kross ta’ Edinson Cavani.

Cavani kważi rdoppja 10 minuti wara meta xutt ta’ Lucas Torreira ġie mxellef b’wiċċu iżda għadda ftit barra. Erba’ minuti minn tmiem il-logħba Cavani kellu ċans ieħor tajjeb iżda kien imwaqqaf tajjeb minn Al-Owais.

B’din it-telfa l-Arabja Sawdija issa ġiet eliminata mill-fażi tal-gruppi f’erba’ mill-ħames parteċipazzjonijiet tagħha fit-Tazza tad-Dinja u ilha ma tirbaħ 12-il logħba.