Il-klabb Malti Balzan se jkollu avversarju mill-Ażerbajġan hekk kif tela’ fil-polza biex jilgħab kontra Keşla. Din mhux se tkun l-ewwel darba li Balzan għandhom avversarju minn dan il-pajjiż hekk kif żewġ staġuni ilu kienu telgħu biex jilagħbu kontra Neftci Baku.
Dakinhar huma kienu eliminati b’aggregate ta’ 3-2, minkejja li kienu rebħu 2-1 fit-tieni leg fl-Ażerbajġan, f’dik li kienet l-ewwel u l-unika rebħa sa issa fl-Ewropa. Balzan se jilagħbu l-ewwel leg f’pajjiżna fit-12 ta’ Lulju u jilagħbu l-partita ta’ ritorn ġimgħa wara.
Balzan kienu fi Grupp 7 u setgħu jitilgħu kontra Partizan Belgrade tas-Serbja, Slovan Bratislava tas-Slovakkja, CSKA Sofia tal-Bulgarija u FK Rabotnicki tal-Maċedonja.
Intant saru magħrufa wkoll l-avversarji ta’ Birkirkara u Gżira United jekk jikkwalifikaw mir-rawnd preliminari. Birkirkara jekk jegħlbu lil KÍ Klaksvík tal-Gżejjer Faroe, jilagħbu kontra Žalgiris Vilnius tal-Litwanja. Gżira United jekk jeliminaw lil UE Sant Julià tal-Andorra, jilagħbu Radnički Niš tas-Serbja.
Birkirkara u Gżira jkunu fl-azzjoni l-ġimgħa d-dieħla fir-Rawnd Preliminari l-Ħamis u t-Tlieta rispettivament, bil-partiti ta’ ritorn jintlagħbu fil-5 ta’ Lulju.
//= $special ?>