Lokali Qorti

Mistennija jiġu appuntati tliet Imħallfin u tliet Maġistrati ġodda

Dawn il-ħatriet fil-ġudikatura mistennija li jitħabbru uffiċjalment nhar it-Tnejn

Tliet Maġistrati ġodda u tliet Imħallfin mistennija jiġu appuntati b’mod uffiċjali nhar it-Tnejn.

F’artiklu ppubblikat mis-sit ta’ MaltaToday, it-tliet Maġistrati li huma msemmija biex jieħdu l-kariga ta’ Imħallef huma l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, l-Maġistrat Anthony Vella, u l-Maġistrat Grazio Mercieca.

Il-Maġistrat Anthony Vella fil-preżent qed jippresjedi l-inkjesta fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u aktarx se jiġi maħtur Imħallef fil-Qorti tal-Familja. B’hekk, dan ifisser li l-investigazzjoni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia trid titmexxa minn Maġistrat ieħor.

Intant, il-Maġistrat Grazio Mercieca qed jissemma’ biex jisma’ l-kawżi għal Għawdex, filwaqt li l-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera se tippresjedi l-kawżi Kriminali. Din tal-aħħar għadha kif ġiet appuntata fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, minkejja l-oppożizzjoni li kien hemm għall-ħatra tagħha.

Dan filwaqt li tliet avukati nisa se jiġu appuntati bħala Maġistrati ġodda. It-tifla tal-eks Maġistrat  Dennis Montebello, Rachel Loporto Montebello, hi waħda minn dawk mistennija li jiġu appuntati. Sa ftit ilu, kienet tokkupa l-kariga ta’ chairperson mal-kumpanija pubblika Gozo Heliport Ltd.

Iż-żewġ avukati l-oħra li qed jissemmew li se jiġu appuntati Maġistrati huma l-avukat Għawdxija Simone Grech, u Astrid May Grima li sa ftit ilu kienet tokkupa l-kariga ta’ segretarja tal-kumpanija tal-Gvern Malita Investments.

Il-ħatriet ta’ tliet Imħallfin u Maġistrati se jitħabbru ġimgħat wara li ġie appuntat il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi minflok l-eks Prim Imħallef Silvio Camilleri.

Intant fuq l-istess ħatriet, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li n-nies se jibqgħu xorta waħda ma jinqdewx bil-ħatriet li se jsiru mill-Gvern fil-Qorti, u se jibqgħu idumu sabiex issir ġustizzja fi żmien raġjonevoli. Dan filwaqt li mhux se jiġi indirizzat l-ammont tax-xogħol tal-maġistrati, u għalhekk l-inkjesti fosthom dawk relatati mal-każijiet ta’ korruzzjoni u l-każi tal-qtil ta’ Caruana Galizia, jaqgħu lura.

“In-nies mhux se jinqdew bil-ħatriet li se jagħmel il-Gvern fil-Qorti” – il-PN