Lokali

Residenti ta’ triq ġdida fi Triq Marsaxlokk qed jgħixu bħal priġunieri fi djarhom

Residenti ta’ triq ġdida li tisboq fi Triq Marsaxlokk, ilhom għall-aħħar snin jitolbu li t-triq tagħhom tinbena, hekk kif din qatt ma saret.

Net News jinsab infurmat li l-problema hi waħda burokratika, bil-Gvern li ilu jipprova jakkwista taħt idejh din it-triq li s’issa għadha mingħajr isem.

Sakemm jitlesta dan il-proċess, din it-triq tibqa’ kkunsidrata bħala waħda privata, u allura la l-Kunsill Lokali u lanqas il-Gvern ma jistgħu jintervjenu fiha.

Tant hu hekk li dan l-istazzjon hu nfurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, b’mod speċjali l-kunsilliera Janice Chetcuti, kellhom battikata mhux faċli biex ikkonvinċew lill-awtoritajiet u r-residenti għallinqas ikollhom is-servizz tad-dawl.

F’din it-triq jgħixu sitt familji, inkluż xi anzjani, iżda l-problema mistennija tikber hekk kif għaddej ukoll xogħol privat ta’ kostruzzjoni għal madwar 20 residenza oħra.

Filfatt fl-aħħar jiem beda wkoll xogħol biex jingħaddu s-servizzi tad-dawl għal dawn ir-residenzi ġodda, liema xogħol madankollu kompla żied il-problemi għar-residenti eżistenti.

Dan hekk kif tħaffer gandott li wassal biex m’għadux possibbli l-aċċess għar-residenti bil-vetturi privati tagħhom.

Problema li qed twassal ukoll biex f’din it-triq m’għadux jidħol it-trakk tal-kollezzjoni tal-iskart, bir-residenti li qed ikollhom jimxu mal-mitt metru f’passaġġ mimli ġebel, trab u gandotti biex joħorġu l-iskart f’post fejn jista’ jinġabar.

S’issa, dawn il-familji baqgħu bla servizzi tal-ilma, minkejja li meta marru joqgħodu hemm kienu ħallsu għas-servizzi kollha. Sa llum-il ġurnata biex jinqdew dawn in-nies qed ikollhom jagħmlu użu minn bawżer privat waqt li wħud għandom ukoll bjar għall-kollezzjoni tal-ilma.

U meta fil-jiem li ġejjin dawn ir-residenti tispiċċalhom il-ħażna tal-ilma, iridu jaraw kif se jagħmlu hekk kif mhux possibbli li l-bawżer jaċċessa din it-triq.

Ir-risposta mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hi li qabel jitlesta l-proġett ta’ residenzi ġodda, mhux possibbli li jingħaddu s-servizzi tal-ilma.

Min-naħa Transport Malta rrispondiet lir-residenti li mhix l-awtorità responsabbli biex tinfetaħ it-triq. Qalb dan kollu, ir-residenti huma maqbuda fin-nofs, b’uħud minnhom anzjani li spjegawlna li jħossuhom bħal priġunieri fi djarhom, hekk kif l-istat tat-triq hu perikoluż għalihom.