Id-deputat Laburista Robert Abela attakka lill-Ewroparlamentari Soċjalista Ana Gomes u akkużaha li qed titfa’ (attakki) kontra Malta u ma tridx tifhem. Dan filwaqt li attakka bil-qawwi lill-familja tal-vittma Daphne Caruana Galizia u akkużahom li qed ifixklu lill-prosekuzzjoni dwar il-qtil tagħha billi jaħbu l-provi u jpoġġuhom quddiem awtoritajiet barra l-pajjiż.
Abela fetaħ ukoll attakk faħxi fuq id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Fl-Aġġornament Robert Abela tkellem dwar id-dikjarazzjonijiet li għamel id-deputat Jason Azzopardi dwar informazzjoni li rriżultat mill-interċetazzjonijiet tat-telefonati mis-Servizzi ta’ Sigurtà u qal li d-dikjarazzjonijiet ta’ Jason Azzopardi m’għandhom l-ebda bażi. Hu kompla li kien antiċipa ritaljazzjoni jew tpattija wara l-laqgħa li l-PL kellu ma’ MEPs li kienu Malta.
Robert Abela attakka lil Ana Gomes u qal li din qed titfa’ fuq Malta u ma tridx tifhem. Hu qal li kien waqqala’ l-argumenti wieħed wara l-ieħor. Dwar l-interċetazzjoni tat-telefonati, Robert Abela qal li Jason Azzopardi qabad id-dikjarazzjoni tiegħu quddiem Ana Gomes u qed jgħid li hu bilfors kellu aċċess għall-interċettazzjonijiet telefoniċi li saru dwar dn il-każ. Jekk dan hu minnu, dan l-att ikun illegali. Robert Abela qal li Jason Azzopardi sostna li dan l-aċċess ngħata lilu mill-Prim Ministru.
Robert Abela qal li din hi spekulazzjoni u sostna li mhux minnu li hu qatt kellu xi għarfien jew informazzjoni jew interċettazzjoni ta’ telefonati li saru mis-Servizz Sigriet. Hu ċaħad ukoll li f’xi mument kien qed jibblaffja jew jigdeb. Id-deputat Laburista qal li hu kien irrifera għal stqarrijiet pubblikati sitt ġimgħat qabel il-laqgħat MEPS mill-Pulizija u mis-Servizz tas-Sigurtà li kienu diġà fil-pubbliku.
Robert Abela attakka wkoll lill-MEP Sven Giegold u qal li anki dan l-MEP għandu aġenda kontra Malta. Hu sostna li l-parte civile tal-familja ta’ Daphne Caruana Galiza qed tiġbed f’direzzjoni opposta mill-prosekuzzjoni u qed timmina l-każ tal-prosekuzzjoni. Id-deputat Laburista sostna li l-prosekuzzjoni qed taħdem biex il-każ ikun solvut. Hemm interess li jissupera dan għax l-interess tal-familja Caruana Galizia hu mgħelub mir-ripuljanza li għandhom lejn il-pajjiż, sostna Robert Abela, li sostna li din hi attitudni li lilu tinkwetah.
F’dan il-mument id-deputat Nazzjonalista Mario Galea appella lid-deputat Laburista biex jieqaf jattakka lill-familja Caruana Galizia u jmissu jistħi jitkellem kif qed jitklelem meta l-familja Crauana Galizia m’għandhiex dritt tiddefendi lilha nnfisha fil-parlament.
Robert Abela sostna li hemm diċerija li d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jagħmel kuntatt mal-Maġistrat Inwkerenti Vella barra mill-awla.
//= $special ?>