Lokali Mużika

Il-Malta Eurovision Song Contest mhux se jsir

Mhux magħruf xi rwol se jkollhom il-kompożituri Maltin f'dan il-proċess

Il-PBS ħabbar li mis-sena d-dieħla se jkun qed jitħassar il-Malta Eurovision Song Contest sabiex minfloku jsir il-programm X Factor – programm li minnu se tintgħażel ir-rappreżentanta Maltija għall-finali f’Iżrael.

Fuq is-sit ta’ TVM intqal li “ir-rebbieħ jew rebbieħa ta’ X Factor Malta se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest 2019. Iktar tagħrif se jingħata fiż-żmien li ġej”.

Minn dan it-tagħrif xott ma ingħataw l-ebda dettalji dwar xi rwol se jkollhom il-kompożituri Maltin f’dan il-programm. Dan għaliex normalment, f’X Factor (kif isir barra) il-kantanti jinterpretaw cover versions.

Mhux magħruf lanqas minn se jagħmel dan il-programm, jekk hux il-PBS jew kuntrattur privat, u kemm se jitħallas għal dan il-format.

Net News hu nfurmat li kien hawn awturi u kompożituri li diġa’ kienu bdew jaħdmu fuq il-kanzunetta għall-Malta Eurovision li jmiss – festival li issa mhux se jkun qed isir.

Il-festival għall-għażla tal-Malta Eurovision ilu jsir (f’formati differenti) mill-1971, u b’mod kontienwu mill-1989 sa din is-sena stess.