Diego Costa reġa’ skorja, gowl li fisser rebħa ta’ 1-0 għal Spanja fuq l-Iran, li kienu mċaħħda minn gowl mill-VAR. Costa li skorja doppjetta kontra l-Portugall, żied it-tielet gowl fit-tournament b’fortuna, biex b’hekk laħaq lil Denis Cheryshev fit-tieni post tal-klassifika tal-aqwa skorers.
L-Iran ħasbu li ġabu d-draw għaxar minuti wara, iżda l-gowl ta’ Saeid Ezatolahi kien imħassar mill-VAR wara li kien qajjem ferħ enormi fost il-plejers Iranjani.
Dan ir-riżultat ipoġġi lil Spanja punti ndaqs mal-Portugall u jekk iż-żewġ timijiet jibqgħu bl-istess punti u differenza tal-gowls wara t-tielet logħba, Spanja jirbħu l-grupp minħabba li rċevew anqas karti sofor. L-Iran huma punt warajhom u għadhom jistgħu jikkwalifikaw.
Fl-ewwel taqsima Spanja ddominaw iżda ftit kien hemm okkażjonijiet kbar ta’ skor. Fl-14-il minuta, Karim Ansarifard kellu xutt li għadda barra, qabel ma’ David Silva kellu xutt b’saħħtu li ħabat ma’ Majid Hosseini ħames minuti wara.
Silva kellu l-aħjar ċans man-nofs siegħa logħob. Spanja kellhom korner qasir, b’Silva jipprova b’ġest akrobatiku mill-viċin, iżda t-tentattiv għadda fuq il-mimduda.
It-tieni taqsima kienet differenti. Alireza Beiranvand wettaq żewġ saves sitt minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima. L-ewwel ċaħħad lil Pique fuq il-linja qabel ma’ tar minn tulu biex salva xutt ta’ Sergio Busquets. L-Iran marret viċin fuq in-naħa l-oħra, iżda x-xutt b’saħħtu ta’ Ansarifard ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka.
Costa poġġa lil Spanja minn fuq minuta wara, minkejja li l-gowl wasal b’fortuna. Iniesta qassam għan-nofs lejn l-attakkant ta’ Atletico Madrid, li dar biex jixxuttja, Ramin Rezaeian prova jbiegħed il-periklu u spiċċa biex il-ballun ħabat ma’ Costa u baqa’ dieħel fix-xibka.
Għaxar minuti wara, l-Iran ħasbu li ġabu d-draw iżda kienu mċaħħda mill-VAR. Rezaeian tefa’ free-kick fil-kaxxa, li sab lil Ezatolahi fuq it-tieni lasta, u b’xutt fil-baxx għeleb lil De Gea. Iżda hekk kif iċċelebra bil-kbir flimkien ma’ sħabu, ir-referee għolla idu b’sinjal li se jara l-gowl, li wara ftit minuti tħassar għal offside.
L-Iran komplew jippruvaw b’Mehdi Taremi jfalli żewġ okkażjonijiet kbar. L-ewwel kien fis-76 minuta meta naqas li jikkonkludi minn kross ta’ Vahid Amiri, biex ftit wara ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi fuq il-mimduda mill-viċin.
Dan ir-riżultat kompla s-sensiela ta’ logħbiet mingħajr draws ta’ 0-0 wara 20 logħba. L-aħħar darba li dan seħħ kien fl-1954 b’26 logħba mingħajr 0-0.
//= $special ?>