Lokali Parlament

Xejn ħażin fis-saltna tad-dritt f’Malta quddiem il-każ ta’ Efimova għall-Ministru tal-Ġustizzja

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici iddefenda s-saltna tad-dritt f’Malta u qal li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell Griega li l-whistlelower Russa Maria Efimova ma tiġix Malta biex tiffaċċja proċeduri legali mhux marbut man-nuqqas ta’ saltna tad-dritt f’Malta iżda minħabba kwistjonijiet legali.

Dn il-pożizzjoni l-Ministru Bonniċi espremiha meta wieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil li rrifera għad-deċiżjoni tal-Qorti Griega li Maria Efimova ma tiġix Malta biex isiru l-proċeduri legali kontriha. Hu qal li r-raġunijiet wara d-deċiżjoni tal-Qorti Griega jistgħu jkunu biss marbuta mas-sigurtà tagħha u għall-mod kif taħdem il-ġustizzja f’Malta. Din hi kundanna għas-saltna tad-dritt fil-pajjiż, sostna l-Ministru Bonnici.

Il-Ministru Bonnici qal li din hi n-narrativa li min qed jipprova jispinnja dan il-każ. Fl-ewwel każ, il-Qorti Griega ma laqgħetx it-talba tal-awtoritajiet lokali biex l-arrest ta’ Efimova jkun esegwit f’Malta. Il-Ministru Bonnici qal li s-sentenza tal-Qorti Griega turi li r-raġuni għaċ-ċaħda tal-awtoritajiet ġudizzjarji Maltin kienu minħabba li l-Qorti Grieqa ddeċidiet li l-kwistjoni titratta ammont żgħir ta’ flus ta’ inqas minn €5,000 u għax it-talba tagħha kellha numru ta’ difetti tekniċi.

Imkien ma ntqal mill-Qorti Griega li Efimova ma ntbgħatitx Malta minħabba li hawn stat ta’ Mafja li jipperikola l-ħajja tal-persuni. It-tieni Qorti Griega kkonfermat l-ewwel sentenza, sostna l-Ministru Bonnici, li qal li l-Gvern qed jistenna kopja tas-sentenza tal-Qorti Griega biex janalizzaha. Hu qal li mhux minnu li f’Malta hawn kollass tas-saltna tad-dritt fejn in-nies qed jimxi bil-liġi tal-ġungla u mhux bil-liġi tan-nies. Il-Ministru Bonnici qal li f’Malta hawn rispett ljen il-persuni u sostna li l-Gvern Malti jobdi dejjem dak li tgħid il-qorti.

F’mistoqsija oħra Simon Busuttil qal li l-ġimgħa li għaddiet ġiet f’Malta l-Kummissarju Ewropea tal-Ġustizzja wasslet messaġġ serju dwar in-nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Hu staqsa jekk dan il-messaġġ twassalx lilu u x’kienet it-tweġiba tiegħu.

Il-Ministru Bonnici wieġeb li l-Kummissarju Ewropew kellha diversi laqgħat mal-awtoritajiet lokali u kkummentat li meta tkellmet mal-ġudikatura rriżultalha li assolutament m’hemm ebda inidkazzjoni ta’ xi pressjoni fuq il-ġudikatura fil-pajjiż. Dan hu l-akbar ċertifikat li f’Malta hawn saltna tad-dritt li taħdem minkejja li s-sistema tal-ġustizzja f’Malta mhix perfetta minħabba d-dewmien fost l-oħrajn. Hu qal li d-direttivi dwar il-ħasil ta’ flus huma żviluppi riċenti u Malta trid tagħmel sforz biex tobdi dawn id-direttivi. Il-Ministru Bonnici qal li Malta qed timplimenta 50 miżura kontra l-ħasil ta’ flus.