Ir-rapport ta’ Zammit Dimech dwar il-ftehimiet kummerċjali tal-UE ġie adottat unanimament
“L-iskambji kulturali u edukattivi bejn l-UE u l-imsieħba tagħha jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ impjiegi. Barra minn hekk, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jiżviluppaw skemi ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja u ta’ kooperazzjoni xjentifika biex jippermettu kollaborazzjoni internazzjonali u skambju ta’ għarfien. Min-naħa l-oħra, il-politika tal-kultura u l-edukazzjoni trid tipprovdi ħiliet biex jiffaċċjaw sfidi li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni.”
Il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech għamel dawn ir-rimarki wara vot meħud fuq rapport li hu ppreżenta lill-Kumitat dwar il-Kultura u l-Edukazzjoni. Il-Kumitat adotta unanimament ir-rapport tiegħu b’25 vot favur u mingħajr vot kontra jew astensjonijiet.
Zammit Dimech enfażizza li ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u pajjiżi terzi għandhom jipproteġu u jippromwovu d-diversità kulturali u lingwistika, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu, irrispettivament mill-pjattaforma tat-teknoloġija jew tad-distribuzzjoni użata. “Fil-ftehimiet kummerċjali, il-kultura u l-edukazzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati jew immaniġġjati bħala servizz”, qal Zammit Dimech.
Fir-rapport tiegħu, Zammit Dimech ħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw strutturi eżistenti tal-UE għal azzjonijiet ta’ diplomazija kulturali f’konformità mal-prinċipji ta’ solidarjetà u sostenibbiltà biex irawwmu t-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp internazzjonali meta jittrattaw il-kummerċ internazzjonali.
Il-globalizzazzjoni hija kkunsidrata bħala waħda mill-ikbar sfidi li qed jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE billi tista’ tagħti spinta lit-tkabbir ekonomiku tal-UE, tista’ wkoll tpoġġi pressjoni kbira fuq l-impjiegi, pagi u standards. Għalhekk, il-Parlament Ewropew qed iħejji r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar kif l-UE tista’ ttaffi dawn l-isfidi, tippromwovi l-valuri tagħha u tagħti spinta lill-opportunitajiet. Ir-rapport ta’ Zammit Dimech issa se jiġi kkunsidrat mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali tal-Parlament Ewropew.
//= $special ?>