L-eks-plejer u captain tat-tim nazzjonali Ingliż, David Beckham, qed ibassar li l-Ingilterra tiltaqa’ mal-Arġentina fil-finali tat-Tazza tad-Dinja. Hu jemmen li ‘id-destin qed isejjaħ’ biex dawn ir-rivali antiki, fil-jiem li jmiss, jiltaqgħu mill-ġdid fil-logħba li tiddeċiedi d-destinazzjoni tal-aktar trofew prestiġjuż fil-futbol.
Beckham, li ddistingwa ruħu bħala plejer ma’ Manchester United u Real Madrid, kien tkeċċa fil-konfront tal-Ingilterra mal-Arġentina waqt il-fażi tal-aħħar sittax tal-kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-1998, fi Franza.
L-Ingliżi kienu tilfu dak il-konfront bil-penalties. iżda Beckham patta għal dan bil-kbir meta skorja l-penalty li bih l-Ingilterra għelbet lill-Arġentina fil-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja tal-2002 — bl-Arġentini jispiċċaw eliminati f’dak l-istadju bikri.
Sadanittant, Beckham esprima l-ħsieb li ‘l-istorja se tirrepeti ruħha’ waqt avveniment biex jippromwovi l-futbol fiċ-Ċina.
L-eksplejer ta’ Manchester United anki esprima l-ferħ tiegħu għall-fatt li l-Ingilterra għelbet lit-Tuneżija fl-ewwel impenn tat-tournament, iżda wissa li l-plejers żgħażagħ tat-Three Lions għandhom isibuha aktar diffiċli ‘il quddiem, ‘meta għad fadal ħafna tims tajbin fil-kompetizzjoni’.
//= $special ?>