L-eks President tal-FIFA, Sepp Blatter, qal li hu favur li l-Ingilterra tospita l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-2030.
Intant, Blatter, li għandu 82 sena, iddefenda r-raġunijiet għalfejn qed jattendi l-logħob tat-Tazza tad-Dinja fir-Russja.
Sepp Blatter – li mexxa lill-FIFA għal sbatax il-sena sakemm kellu jwarrab, fl-2015, minħabba skandlu ta’ korruzzjoni — qal li hu laqa’ l-istedina tal-President tar-Russja,Vladimir Putin, biex jattendi għal-logħba ta’ nhar l-Erbgħa bejn il-Portugall u l-Marokk, fil-Luzhniki Stadium ta’ Moska.
Fl-istess ħin, Blatter qal li hu ‘definittivament għandu jappoġġja’ tentattiv mill-Ingilterra biex torganizza l-kompetizzjoni ( tat-Tazza tad-Dinja) tal-2030 waqt li qal li ‘hu mhux sempliċiment qed juża l-kliem fieragħ meta jgħid li kompetizzjoni fuq dan il-livell ħaqqha ssir fl-Ingilterra’.
Iż-żjara ta’ Blatter fir-Russja hi l-ewwel darba li hu ħareġ minn pajjiżu ( l-Iżvizzera) fi tliet snin waqt li hu, din il-ġimgħa, iltaqa’ personalment ma’ Vladimir Putin.
Intant, Blatter esprima emozzjoni kbira għall-fatt li qiegħed ir-Russja kif ukoll għall-merħba li ngħata. Hu sostna li ‘il-futbol għadu jfisser kollox għalih u li dawn is-sentimenti bilfors jibqgħu qawwija wara li hu kien ilu bħala amministratur tal-logħba, għal 41 sena’.
Ftit tal-jiem ilu, Stewart Regan, l-eks Kap tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Skoċċiża, qal li ‘definittivament qed ikun ikkunsidrat tentattiv’ mill-pajjiżi Britannniċi (il-home nations taħt it-tmexxija tal-Ingilterra) biex jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja tal-2030.
Dan sar magħruf wara li l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku rebħu d-dritt biex jospitaw il-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2026 fejn għelbu l-isfida tal-Marokk.
L-Ingilterra kienet tilfet it-tentattiv biex il-finali tat-Tazza tad-Dinja attwali jsiru f’artha, meta l-għażla kienet waqgħet fuq ir-Russja. Sadanittant, Sepp Blatter faħħar lil Gianni Infantino bħala s-suċċessur tiegħu fit-tmun tal-FIFA u qal li hu ( Infantino) ‘m’għandux għalfejn jinkwieta bil-preżenza tiegħu (Blatter) fir-Russja.’
//= $special ?>