L-Awstralja u d-Danimarka spiċċaw fi draw, 1-1, fit-tieni logħba tagħhom minn Grupp C, bid-Daniżi issa jitilgħu għal erba’ punti, filwaqt li s-Socceroos kisbu l-ewwel punt tagħhom f’din il-kompetizzjoni.
Kien Christian Eriksen li poġġa lid-Daniżi fil-vantaġġ b’xutt b’saħħtu wara biss seba’ minuti, iżda l-Awstraljani kisbu d-draw qabel il-mistrieħ minn penalty kontroversjali li kien ikkonvalidat bl-assistenza tal-Var wara li Poulsen deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa.
Inkariga ruħu mill-ħdax il-metru Mile Jedinak li ma żbaljax, b’dan ikun it-tieni penalty konsekuttiv skurjat minn dan il-plejer f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, wara li hu kien sab ix-xibka fit-telfa tal-Awstralja ma’ Franza.
Il-logħba baqgħet kumbattuta, b’Aaron Mooy imur viċin it-tieni gowl għall-Awstralja b’xutt mill-bogħod, waqt li Pione Sisto tad-Danimarka ra x-xutt bid-dawwra jfalli l-bersall bi ftit.
Id-draw, kollox ma’ kollox, kien riżultat ġust, bid-Daniżi jinsabu l-ewwel fi Grupp C meta qed jistennew ir-riżultat tal-logħba mill-istess grupp bejn Franza u l-Peru.
//= $special ?>