Ambjent Lokali

FILMAT: Il-Gvern ma jagħtix għażla dwar is-siġar fi Triq il-Wied f’Ħal Balzan

Tema mill-aktar kontroversjali fuq il-media soċjali

Matul l-għodwa tal-Ħamis, inżabru s-siġar f’nofs Triq il-Wied, f’Ħal Balzan, bl-iskop li jinqalgħu sabiex jagħmlu wisa’ għat-triq li se tinbena mill-ġdid. Din ħolqot kontroversja kbira hekk kif bosta kienu n-nies fuq il-mezzi soċjali li kkundannaw din l-azzjoni.

Ix-xogħol biex it-triq tinbena mill-ġdid qed isir mill-awtoritajiet tal-Gvern Ċentrali. U dwar it-tneħħija ta’ dawn iż-żewġ siġriet, f’kummenti ma’ NET News, is-Sindku ta’ Ħal Balzan, in-Nutar Ian Spiteri, qal li l-Gvern, permezz tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Frederick Aquilina, ma ta ebda għażla lir-residenti ta’ din it-triq u lill-Kunsill Lokali Balzani.

“Jew jinqatgħu s-siġar u ssir t-triq mill-ġdid, jew din it-triq diżastruza u l-bankini quddiem id-djar ma jsirux.”

Minkejja l-mod kif l-awtoritajiet ma tawx biżżejjed ċans għat-taħdidiet u tiftix ta’ soluzzjonijiet oħra, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan ħa d-deċiżjoni f’waqtha li jsalva dawn is-siġar milli jitċaċtu u minflok, se jerġgħu jiġu mħawwla f’ġnien f’Ħal Balzan li jinsab fil-qalba ta’ ħafna residenzi. Spiteri qalilna li l-Kunsil qabbad konsulent ambjentali u ntgħażel il-ġnien ta’ wara l-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan qalb ir-resident biex għada jiġu rilokati minnufih dawn is-siġar.

Sadanittant, NET News jinsab infurmat li Transport Malta ma riditx tidħol għas-sogru li jkollha terġa’ tagħmel it-triq mill-ġdid 3 snin oħra peress li l-għeruq tas-siġar tal-ficus diġà faqgħu l-mini tal-għargħar taħt it-triq.

Biex il-Kunsill irnexxielu jasal mal-Gvern biex issir din it-triq, saru diversi taħdidiet minn dan il-Kunsill u dak preċedenti mal-awtoritajiet konċernati. Però, il-Kunsill ma kienx ikkonsultat fil-pjanti tat-triq.

NET news infurmat li l-Kunsill ta’ Ħal Balzan ġie assigurat li ġew integrati siġar ġodda fil-pjanti għal din it-triq iżda mhux tal-ficus għaliex l-għeruq tagħhom jagħmlu ħsara kbira lill-qafas tat-triq.