Lokali Saħħa

Il-President ma taqbilx mal-Gvern … kostretta tiffirma l-Liġi tal-iffriżar tal-embrijuni

"Il-fibra morali ta’ l-Istat Malti titmermer jekk titlef ir-rispett lejn il-ħajja umana"

“Wara li ħadt diversi pariri etiċi, morali u legali minn persuni kompetenti, u wara proċess twil ta’ riflessjoni u dixxerniment, jien wasalt fil-kuxjenza tiegħi għad-deċiżjoni li niffirma dan l-Att b’lealta’ lejn il-Kostituzzjoni.”

Hekk qalet il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca f’ittra mibgħuta lill-Parlament, u li dan is-sit kiseb kopja tagħha u li fiha spjegat għaliex ġiet kostretta tiffirma l-emendi li għaddew mill-Parlament.

Issa li l-emendi proposti għaddew mill-proċess demokratiku u ġew approvati b’vot finali fil-Parlament, il-liġi intbagħtet quddiem il-President biex tiffirmaha. Fil-komunika lill-Parlament, hi insistiet “li din id-deċiżjoni mhix kompromess etiku mal-fehmiet sodi tiegħi u mal-valuri personali tiegħi dwar il-ħajja umana, il-familja u l-ġid sħiħ tat-tarbija mnissla.”

Coleiro Preca qalet li hi marbuta bil-Kostituzzjoni li taġixxi fuq il-parir tal-Gvern tal-ġurnata jew ta’ Ministru tal-Gvern.

Fl-istess nifs, iżda, hi qalet li l-fibra morali ta’ l-Istat Malti titmermer jekk titlef ir-rispett lejn il-ħajja umana fl-istadji kollha tagħha.