Gowl uniku ta’ Kylian Mbappe skurjat wara nofs-siegħa kien biżżejjed għal Franza biex tegħleb lill-Perù u tikkwalifika għar-round tal-aħħar sittax tat-Tazza tad-Dinja. Intant, din kienet it-tieni telfa konsekuttiva għall-Perù li spiċċaw mal-lista tal-pajjiżi eliminati f’din il-fażi bikrija tal-kompetizzjoni.
Il-Perù — l-istess bħal fil-logħba tal-ftuh mad-Danimarka — kellhom ħafna mill-pussess fl-Ekaterinburg Arena u kienu anki perikolużi bil-kontra-attakki. Madankollu huma reġgħu sabuha diffiċli biex isibu t-triq għall-gowl, bil-Franċiżi jikkontrollaw il-logħba u jagħlqu l-ispazji eżatt wara li Mbappe (li sar l-iżgħar skorer ta’ Franza f’dan it-tournament) sab ix-xibka b’tap-in mill-viċin.
L-azzjoni deċiżiva waslet wara li l-ballun spiċċa f’saqajn l-attakkant ta’ Paris St Germain u meta x-xutt b’saħħtu ta’ Giroud xxellef ma’ difensur.
Wara l-mistrieħ, Perù ħarġu jfittxu d-draw u kienu sfortunati meta x-xutt bomba ta’ Pedro Aquino ħabat mal-mimduda, bil-gowlkiper Lloris megħlub għal kollox. Perù baqgħu jagħfsu u heddew mill-ġdid minn Andre Carillo u s-sostitut Jefferson Farfan li ra t-tentattiv tiegħu jispiċċa mal-ġenb tax-xibka.
Intant, il-Franċiżi, li adottaw strateġija prudenti għat-tieni taqsima, irnexxielhom jikkontrollaw il-vantaġġ sal-aħħar u għal rebħa li tiggarantilhom il-kwalifikazzjoni. Dan wara s-suċċess, 2-1, tal-‘les bleus’ fuq l-Awstralja fl-impenn tas-Sibt fi Grupp C.
//= $special ?>