Lokali Mużika

Furur fost diversi professjonisti fil-qasam mużikali

Tgergir minn diversi recording studios f'Malta

Kantanti stabbiliti huma ferm diżappuntati bil-mossa li jitneħħa l-Malta Eurovision għaliex qed jgħidu li l-PBS qed jagħti kas biss l-element finanzjarju. Anke awturi u kompożituri għadhom fil-limbu għax ma jafux x’se jiġri.

Mhux magħruf lanqas minn se jagħmel dan il-programm, jekk hux il-PBS jew kuntrattur privat, u kemm se jitħallas għal dan il-format.

Kien ilbieraħ meta l-PBS ħabbar li mis-sena d-dieħla se jkun qed jitħassar il-Malta Eurovision Song Contest sabiex minfloku jsir il-programm X Factor – programm li minnu se tintgħażel ir-rappreżentanta Maltija għall-finali f’Iżrael.

Fuq is-sit ta’ TVM intqal li “ir-rebbieħ jew rebbieħa ta’ X Factor Malta se tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest 2019. Iktar tagħrif se jingħata fiż-żmien li ġej”.

Minn dan it-tagħrif xott ma ingħataw l-ebda dettalji dwar xi rwol se jkollhom il-kompożituri Maltin f’dan il-programm. Dan għaliex normalment, f’X Factor (kif isir barra) il-kantanti jinterpretaw cover versions.

Sorsi qalulna illi hemm tgergir kbir anke minn dawk li jmexxu r-recording studios f’pajjiżna.